Sunday, October 27, 2024

Iffirmat ftehim għal fond li jlaħħaq €3 miljun għall-iskema New Hope Guarantee

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat kienu preżenti għall-iffirmar ta’ ftehim bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF) dwar fond ta’ €3 miljun li nħoloq apposta għall-iskema New Hope Guarantee. Dan seħħ ġewwa l-Aula Magna tal-Università ta’ Malta, il-Belt Valletta.

Kif tħabbar fil-ġimgħat li għaddew, permezz ta’ din l-iskema l-gvern se jkun garanti biex persuni bi kwistjonijiet mediċi, b’diżabilità jew li mardu fil-passat ikunu jistgħu jieħdu self għal xiri ta’ proprjetà. In-New Hope Guarantee Scheme se toffri alternattiva sigura lill-banek biex is-self jingħata mingħajr riskju. L-Awtorità tad-Djar se tkun qed toffri garanzija li tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li tintuża bħala residenza primarja.

Il-garanzija tal-Awtorità tad-Djar se tkun sostnuta minn back to back guarantee mal-NDSF li se tikkommetti €3,000,000 biex jiġu garantiti €30,000,000 f’home loans. L-Awtorità tad-Djar se tagħmel tajjeb għal claims li jsiru fuq il-flus kommessi fil-Fond bil-qligħ li tagħmel mill-bejgħ tal-porzjon tagħha fil-proprjetajiet inkwistjoni.

Il-Ministru Roderick Galdes spjega kif, grazzi għal dan il-fond, se jservi bħala garanzija biex bank ikun jista’ japprova s-self fuq individwi li ma kinitx qed toħroġilhom polza tal-assigurazzjoni. Il-Ministru Galdes kompla billi spjega kif kull applikant li jingħata dan is-servizz ħa jkun qed iħallas miżata ta’ parteċipazzjoni li hi simili għal dak li jinħareġ mis-suq. Dan biex nassiguraw li din l-iskema tibqa’ waħda sostenibbli.

“Permezz tal-kollaborazzjoni mal-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, ħa niftħu bibien ġodda għal ħutna Maltin u Għawdxin li għaddew mit-trawma tal-mard f’perjodu bikri f’ħajjithom. Apparti minn hekk, permezz ta’ dan il-ftehim qed nuru kemm dan il-gvern għandu tassew ruħ soċjali. Din hija verament skema sostenibbli li qed tagħti tama ġdida,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat  kompla jispjega kif il-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali se jagħti tama ġdida lil min kien qata’ qalbu li jsir sid ta’ daru. Infatti, b’dan il-ftehim, l-NDSF qed tikkommetti tliet miljun ewro biex min għandu diżabilità jew kundizzjoni medika fil-preżent jew fil-passat ma jkunx eskluż mis-suq tal-proprjetà.

“Dan huwa proprju l-għan għalfejn inħoloq l-NDSF, biex fondi li ġejjin minn investiment dirett barrani jintużaw b’mod li jiftħu bibien ġodda għal mijiet ta’ persuni, mingħajr ma jkun hemm impatti negattivi fuq il-finanzi tal-pajjiż. Dan huwa dak li nfissru meta ngħidu li qed ninvestu fil-komunità.”

Sport