Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u Special Olympics Malta ffirmaw ftehim li jimmarka pass importanti fl-impenn nazzjonali lejn edukazzjoni inklużiva u l-benesseri tal-atleti.
Il-ftehim jistabbilixxi qafas strateġiku għall-kollaborazzjoni, li jsaħħaħ l-isport bħala mezz għall-inklużjoni, l-awtonomizzazzjoni, u l-iżvilupp olistiku fi ħdan l-ekosistema edukattiva tal-pajjiż.
Kif imħabbar fil-Budget għal din is-sena, il-Gvern alloka €1 miljun lil Special Olympics Malta. Dan l-investiment dirett fit-tfal u ż-żgħażagħ isaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjoni li tespandi t-taħriġ sportiv strutturat, l-inizjattivi ta’ screening tas-saħħa, u s-servizzi ta’ appoġġ għall-familji, u b’hekk jikkontribwixxi aktar għal soċjetà aktar inklużiva biex l-atleti b’diżabilità intellettwali jirnexxu b’mod sħiħ.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima faħħar ir-reżiljenza u d-determinazzjoni tal-atleti ta’ Special Olympics Malta u qal li dawn l-atleti huma ta’ ispirazzjoni għal kulħadd. Il-Ministru Grima fakkar fil-kollaborazzjoni li ilha għaddejja bejn SportMalta ma’ Special Olympics, mhux biss permezz ta’ għajnuna finanzjarja sostanzjali, biex dawn l-atleti jipparteċipaw fil-Logħob Internazzjonali tal-Olimpjadi Speċjali u fi training camps barra minn xtutna, imma wkoll permezz ta’ taħriġ.
“L-isport għandu saħħa li jgħaqqad il-komunità u jagħti ċans lil kull persuna turi l-potenzjal tagħha, irrispettivament mill-isfidi li tiffaċċja. Dan il-ftehim huwa prova ta’ dan, u bħala Gvern, nibqgħu kommessi biex inkomplu ninvestu ħalli nkomplu noħolqu iktar opportunitajiet u inizjattivi kemm edukattivi u wkoll sportivi għal kulħadd,” qal il-Ministru Grima.
Dr Lydia Abela, President ta’ Special Olympics Malta spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim, Special Olympics Malta se jospita l-akbar avveniment tal-għawm li qatt ġie organizzat lokalment għal persuni b’diżabilità intellettwali b’atleti minn 36 pajjiż li se jiġu f’pajjiżna għal dan l-avveniment.
“Is-suċċess għal Special Olympics Malta mhux imkejjel biss mill-midalji mirbuħa, imma mill-iżvilupp u t-tkabbir ta’ kull atleta,” enfasizzat Dr Abela waqt li nnotat li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern ta’ Malta u Special Olympics Malta hija impenn ċar li bħala nazzjon, jemmen fil-potenzjal ta’ kull individwu.
Wara l-kommemorazzjoni ta’ 25 sena tal-organizzazzjoni fl-2025, Special Olympics Malta issa qed tħares ’il quddiem lejn l-2026, sena li fiha tidħol f’kapitlu ġdid bi sħubijiet imsaħħa, programmi innovattivi, u ambizzjoni ċara, dik li tpoġġi l-atleti tagħha sew fiċ-ċentru tas-suċċess, filwaqt li tavvanza l-edukazzjoni inklużiva madwar il-pajjiż.
Iċ-ċerimonja tal-iffirmar kienet ippreseduta mill-Ministru Clifton Grima, Dr Lydia Abela, id-Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta, Anna Calleja u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella.



