Saturday, December 28, 2024

Iffirmat ftehim kollettiv bejn il-GWU u l-kumpanija De La Rue

Aqra wkoll

Ftehim li jagħti sens ta’ stabilità akbar lill-ħaddiema kollha

Minn MARIA AZZOPARDI, Ritratti: ALAN SALIBA

Il-General Workers’ Union (GWU) u l-kumpanija De La Rue laħqu qbil għall-ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema li fost affarijiet oħra se jkun hemm titjib fil-ħajja u fil-kwalità tal-pagi tal-ħaddiema. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ minn April tal-2020 u jkopri l-perjodu sal-aħħar ta’ Marzu 2023. 

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin stqarr li l-GWU ilha tirrappreżenta lill-membri tal-kumpanija De La Rue mindu fetħet din il-kumpanija. Huwa ddeskriva din il-kumpanija bħala waħda b’saħħitha li matul is-snin dejjem rat kif ħadet ħsieb lill-ħaddiema fis-sens li għalihom il-ftehim kollettiv dejjem kien xi ħaġa li ħaduha bħala premura li jsir. Darmanin qal li minn naħa tal-GWU dejjem baqgħu jaħdmu id f’id mal-kumpanija biex fl-aħħar mill-aħħar jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kif fil-fatt se jkun qed isir permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid.

Darmanin qal li għaldaqstant jinsabu sodisfatti li għal darb’oħra l-GWU u d-De La Rue reġgħu laħqu ftehim flimkien u rringrazzja ħafna lir-rappreżentanti tal-ħaddiema għax-xogħol siewi li jagħmlu u għad-dedikazzjoni tagħhom.

YouTube video

Intant, is-Site Manager Terry Zammit qal li jinsabu kuntenti ħafna li ġie ffirmat dan il-ftehim kollettiv ġdid u fisser li dan se jagħti sens ta’ stabilità akbar lill-impjegati kollha. “Nixtieq nirringrazzja lill-GWU, shop stewards, lit-tim tal-HR u lil kull min kien involut f’dan il-proċess. Proċess li issa se jħalli l-kumpanija aktar kompetittiva. Fadal ħafna xi jsir pero dan huwa pass importanti u pass solidu għall-futur,”qal Zammit.

Il-Human Resources Manager Caroline Zammit ukoll qalet li jinsabu sodisfatti ħafna ta’ dan il-ftehim milħuq u fissret li l-fatt li għall-impjegati tagħhom dejjem jippruvaw itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom huwa l-mod kif jirringrazzjawhom tas-servizz li jagħtu waqt li jkunu qed jaqdu dmirhom fuq il-post tax-xogħol. Zammit qalet li l-komunikazzjoni bejn il-kumpanija u l-GWU kienet waħda tajba fejn wara li ż-żewġ naħat iddiskutew flimkien, intlaħaq ftehim malajr ħafna.

Ix-Shop Steward Raymond Azzopardi qal li bis-saħħa tal-GWU l-ħaddiema rnexxielhom iġibu pakkett finanzjarju tajjeb li minnu se jkunu qed igawdu l-ħaddiema għal dawn it-tliet snin li ġejjin. Huwa qal li meta kien wasal biex jiskadi l-ftehim kollettiv tat-tliet snin li għaddew, il-kumpanija minn jeddha marret fuq il-GWU biex iġġedded il-ftehim u fisser li dan wera sinjal ta’ pożittività minn naħa tal-kumpanija tagħhom.

Intant, ix-Shop Steward Michael Farrugia qabel li dan il-ftehim kollettiv kien wieħed mill-aktar importanti b’mod speċjali meta wieħed jieħu konsiderazzjoni għaċ-ċirkostanzi li qegħdin fihom.

Il-ftehim kollettiv kien iffirmat f’isem il-ħaddiema mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni David Darmanin u f’isem il-kumpanija iffirmaw is-Site Manager Terry Zammit u l-Human Resources Manager Caroline Zammit. Il-ftehim kollettiv kien iffirmat ukoll mix-Shop Stewards Michael Farrugia, Lawrence Buhagiar, Johan Zahra, Mark Scicluna, Ramon Brancaleone, Stephen Farrugia, Roderick Domancich, Aaron Borg, Nathalie Zahra, Clifford Farrugia u Raymond Azzopardi.

Ekonomija

Sport