Monday, December 23, 2024

Iffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn il-GWU u t-Teatru Manoel

Aqra wkoll

Fit-Teatru Nazzjonali ta’ Malta, ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn it-Teatru Manoel u l-General Workers’ Union. Dan il-ftehim ser ikompli jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati u r-relazzjonijiet industrijali tajba li diġà jeżistu fit-Teatru Manoel.

Preżenti għal dan il-ftehim kollettiv kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici, Joyce Cassar is-Segretarju Permanenti People and Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, is-Sinjura Lorraine Nicole Vella Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, is-Sur Bugeja Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, is-Sur Kevin Abela Segretarju fi ħdan il-General Workers’ Union, is-Sur Christopher Darmanin u s-Sur Mario Grixti mill-Industrial Relations Unit tal-People and Standards fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Edward Zammit kif ukoll is-Sur Johann Zammit rappreżentant tal-ħaddiema tat-Teatru Manoel.

Dan il-ftehim huwa għal perjodu ta’ ħames snin b’effett mill-1 ta’ Jannar tal-2024 sal-31 ta’ Diċembru tas-sena 2028.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim se tkun qed tingħata prijorità lis-saħħa fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll se jkun hemm żidiet fil-pagi tal-ħaddiema, fejn il-ħaddiema se jiġu rikonoxxuti għall-abbiltajiet, ħiliet u snajja’ tagħhom, permezz ta’ inċentivi u saħansitra bonuses speċifiċi. Dan filwaqt li se jkomplu jiġu msaħħa l-family friendly measures.

Il-Ministru Bonnici kompla jispjega kif fost oħrajn, permezz ta’ dan il-ftehim il-ħaddiema se jkunu intitolati għal għaxart ijiem leave kulturali fis-sena, meta jkunu magħżula sabiex jirrappreżentaw lil Malta f’attivitajiet kulturali kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn Malta. Apparti dan, impjegati li jkunu se jirrappreżentaw lil Malta f’attivitajiet sportivi jingħataw leave speċjali skont l-iskemi maħruġa minn SportMalta.

Spjega wkoll il-prijorità li qed tingħata lis-saħħa mentali. “Konxji dejjem iżjed tal-importanza tas-saħħa mentali, għall-ewwel darba t-Teatru Manoel se jkollu uffiċjal għas-saħħa mentali li jkun imħarreġ biex jagħti l-ewwel għajnuna fis-saħħa mentali lill-impjegati,” qal Dr Bonnici.

“Dan il-ftehim se jwassal ukoll sabiex l-impjegati jingħataw leave speċjali biex jakkumpanjaw lil marthom jew żwieġhom jew partner barra minn Malta fuq kors imħallas mill-Gvern jew fuq xogħol tal-Gvern,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tat-Taqsima Ospitalità u Ikel Kevin Abela qal li “dan il-Ftehim Kollettiv qed jagħti bażi soda lill-ħaddiema biex jimxu ‘l quddiem. Ftehim li jkopri żidiet sostanzjali fil-pagi u titjieb fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq dawk li kien hemm.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Bugeja qal li jinsab sodisfatt li hekk kif dan il-Ftehim ġie fi żmien propizju fejn għadu kemm ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ‘kbir’ li jkopri l-ħaddiema kollha taċ-Ċivil, il-pagi f’dan il-Ftehim mill-ewwel ġew allinjati mas-setturi kollha ta’ dak il-Ftehim. Hawnhekk ħa l-opportunità jirringrazzja lill-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ħadmu id f’id flimkien magħhom biex waslu għal dan il-Ftehim.

“Dan hu Ftehim li jkopri kemm lill-ħaddiema full-tajm kif ukoll part-tajm. Ħaddiema li spiss ikunu xogħol matul ġranet fejn ħaddieħor ikun qed iiddeverti, u ġieli anke f’ħinijiet ‘l hekk imsejħa ‘anti-soċjali’. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon doppju għall-ħaddiema li qed jagħtu kontribut lejn l-arti u l-kultura,” żied jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport