Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-General Workers’ Union (GWU) li permezz tiegħu 200 ħaddiema se jibbenefikaw minn żieda fil-pagi tagħhom u introduzzjoni ta’ allowances ġodda.
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Permanenti Joyce Cassar u s-Segretarju Permanenti Kevin Mahoney.
Il-Ministru Bonnici spjega kif dan il-ftehim kollettiv se jara żidiet fil-pagi u allowances għall-impjegati, bil-għan li jittejbu l-pakketti ta’ kumpens u benefiċċji tagħhom b’mod ġenerali. Huwa tenna li l-iskop tal-ftehim kollettiv mhuwiex biss wieħed finanzjarju iżda jfittex ukoll li jipprovdi gwida ċara dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, bl-għan li jservi bħala ispirazzjoni għal impjegati futuri.
“Dan huwa tassew gvern li jinvesti fil-ħaddiema tagħna u l-għan tagħna hu li nipprovdu ħlas xieraq u ġust lill-impjegati tagħha għall-ħidma tagħhom. Flimkien qed naħdmu biex il-ħaddiema jkollhom l-opportunità li jkomplu javvanzaw fil-karrieri personali tagħhom,” temm jgħid Dr Bonnici.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, qal, “L-iffirmar tal-ftehim kollettiv il-ġdid għall-2025–2028 jirrappreżenta pass importanti fl-iżvilupp kontinwu tal-Awtorità tal-Artijiet. Dan il-ftehim jirrifletti xhur ta’ djalogu kostruttiv u kollaborazzjoni mal-GWU, bil-għan li jinħolqu kundizzjonijiet aħjar u aktar moderni għall-impjegati tagħna. Intenni l-isforz kollettiv li l-ħaddiema tagħna jagħmlu biex iservu b’dedikazzjoni u passjoni kuljum. Jien kburi bl-impenn u l-kontribut tagħhom, u naf li dan il-ftehim se joffri rikonoxximent u apprezzament għall-ħidma għaqlija li jagħmlu kuljum.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal, “Illum, bħala GWU, iffirmajna żewġ ftehimiet kollettivi importanti – wieħed għall-professjonisti u l-ieħor għat-tekniċi u l-amministrattivi. Matul dawn il-jiem stajt nara biċ-ċar li llum, aktar minn qatt qabel, il-ħaddiema għandhom mhux biss karriera, iżda wkoll opportunitajiet konkreti biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom. Dan il-ftehim jagħti direzzjoni u viżjoni ċara lill-ħaddiema kollha kif ukoll lill-awtorità, u jsaħħaħ l-impenn tagħna lejn futur aktar professjonali, modern u ġust.”

