Saturday, October 26, 2024

Iffirmat ftehim kollettiv mal-MUT għall-istaff akkademiku fil-JC

Aqra wkoll

L-ewwel ftehim esklussiv mill-Malta Union of Teachers f’isem l-istaff akkademiku fil-Junior College kien iffirmat illum, is-7 ta’ Novembru 2022, ftehim li se jwassal għal titjib sostanzjali fil-pakkett finanzjarju u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li ġie introdott ukoll Qualification Allowance għal staff li jkollhom PhD jew it-tieni, jew is-sussegwenti kwalifika ta’ Masters.

Permezz tal-ftehim ġie rikonoxxut il-Masters in Teaching and Learning bħala kriterju fir-reklutaġġ ta’ Junior College Assistant Lecturer, Junior College Lecturer kif ukoll Junior College Senior Lecturer I.

Il-ftehim jaħseb ukoll biex ikun hemm tnaqqis fis-snin ta’ servizz meħtieġa biex l-istaff akkademiku tal-Junior College jipprogressa minn Assistant Lecturer għal Lecturer kif ukoll għal Senior Lecturer 1. Dan filwaqt li l-Academic Enhancement Leave se jara tnaqqis ta’ aggregate ta’ 8 snin servizz.

“Nagħrfu li s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ uliedna huma l-edukaturi, għalhekk l-aqwa investiment li nistgħu nagħmlu f’pajjiżna, kif qed naraw permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, huwa s-sostenn li qed nagħtu lill-edukaturi tagħna. Sostenn li se narawh ukoll fil-ftehim settorali għall-edukaturi li se jibda jiġi diskuss mal-Malta Union of Teachers f’Jannar li ġej,” qal il-Ministru Clifton Grima.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana qal li b’dan il-ftehim is-Servizz Pubbliku qed ikompli jinvesti fil-ħaddiema, b’dan ikun it-12-il ftehim kollettiv li s-Servizz Pubbliku kkonkluda fl-aħħar ħames xhur. Dan il-ftehim jissimplifika kif akkademiku jista’ jkompli javvanza fil-karriera tiegħu, kif ukoll jagħraf l-isforzi tal-istaff meta tinkiseb PhD jew it-tieni Masters permezz ta’ qualification allowance.

Il-President tal-Malta Union of Teachers, Marco Bonnici, sostna li l-ftehim huwa rikonoxximent għall-ħidma sfiqa tal-letturi fil-Junior College bħala akkademiċi, u permezz tiegħu l-Università ta’ Malta qed tkompli tqis lil-letturi bħala l-protagonisti fit-tagħlim tal-istudenti mill-Matrikola sal-kisbiet tal-kwalifiċi fil-livelli kollha.

Il-ftehim intlaħaq wara perjodu ta’ diskussjonijiet bejn il-partijiet kollha involuti, u jkopri s-snin mill-2019 sal-aħħar tas-sena 2023.

“Dan il-ftehim kollettiv huwa xhieda tal-importanza li l-Università ta’ Malta tagħti lil Junior College li kull sena jipprepara mijiet ta’ studenti sabiex ikomplu bl-istudji tagħhom f’livell terzjarju. Nixtiequ l-aħjar għalihom f’din il-parti sensittiva tal-vjaġġ edukattiv tagħhom,” qal ir-Rettur Alfred J. Vella.

Il-ftehim kien iffirmat minn Marco Bonnici, Elaine Germani, Claudette Mintoff, Christopher Vella u Fr Jose Debono min-naħa tal-MUT u Alfred J. Vella u Karmenu Vella min-naħa tal-Università ta’ Malta.

Sport