Ġie ffirmat ftehim għat-tliet snin li ġejjin, bejn il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru, u l-MCAST. Il-ftehim se jkun qed jassigura li pajjiżna jkollu sistemi iktar b’saħħithom biex ikompli jirribatti l-pjaga tal-vjolenza domestika f’pajjiżna.
Permezz ta’ dan il-ftehim, se jkunu qed isiru strutturi ta’ tagħlim fi ħdan l-MCAST, fejn se jsiru anke korsijiet relatati mas-suġġett ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru se tkun qed toffri l-għarfien espert tagħha f’dan is-settur. Il-korsijiet, apparti t-tagħlim teoretiku fil-klassi, se jinkludu opportunitajiet ta’ ‘student placements’ u riċerka.
Grazzi għal dan il-ftehim ukoll, il-partijiet se jkunu qed iħarrġu lill-ħaddiema ta’ xulxin fuq setturi u oqsma differenti. Dan flimkien ma’ pjan ta’ azzjoni bejn il-partijiet konċernati bil-għan li jsir iktar għarfien dwar is-suġġett.
Il-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis u mis-Segretarju Parlementari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis faħħar din l-inizjattiva, waqt li rrimarka li din il-pjaga ma tingħelibx biss bl-infurzar, iżda permezz ta’ iktar edukazzjoni u tagħlim dwar is-suġġett. Saħaq li fl-irwol tiegħu bħala ministru responsabbli mill-ugwaljanza, dejjem irrikonoxxa s-serjetà ta’ din il-pjaga soċjali, u kien għalhekk li l-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika ġiet ingaġġata fuq bażi full-time.
Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar laqgħet b’sodisfazzjoni l-inizjattiva bejn l-MCAST u l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika. Tenniet tgħid li temmen bi sħiħ li l-edukazzjoni hi għodda importanti speċjalment fir-rigward tal-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika. Kommessa li bil-politika se jkomplu jipproteġu lil kull min b’xi mod jew ieħor għaddej min xi sitwazzjoni ta abbuż.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri saħqet li tinsab kuntenta li sar dan il-ftehim, li permezz tiegħu, iktar persuni li bħalissa qed ibatu fis-skiet ta’ darhom, se jkunu protetti u mgħejuna, u qiegħda tiġi miġġielda din il-pjaga mill-għeruq tagħha.
Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur James Cachia, saħaq li l-MCAST dejjem tara li tpoġġi lill-istudenti tagħha f’sitwazzjonijiet reali lil hinn mill-klassi, u b’hekk dan il-ftehim se jkun qed jgħin itaffi l-vjolenza domestika f’Malta waqt li jservi ta’ għodda edukattiva għall-istudenti.