Sunday, May 25, 2025

Iffirmat ftehim li se jwassal għad-dokumentazzjoni u l-preservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kunsilli Reġjonali ta’ pajjiżna li se jwassal għal inizjattiva fuq skala nazzjonali li se tiddokumenta l-wirt divers ta’ Malta u Għawdex, fil-forom varji tiegħu, sabiex ikompli jiġi ppreservat.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega fid-dettall din l-inizjattiva li se tiddokumenta u tiċċelebra elementi kulturali tanġibbli u mhux tanġibbli madwar pajjiżna. “Din l-inizjattiva se tippermetti dokumentazzjoni effettiva tal-assi kulturali ta’ pajjiżna. Se twassal ukoll sabiex il-Kunsilli Reġjonali u Lokali jikkontribwixxu għall-Inventarju Kulturali ta’ Malta u b’hekk ikompli jiġi ppreservat il-wirt kulturali ta’ pajjiżna,” kompla jispjega l-Ministru Owen Bonnici.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli laqgħet b’sodisfazzjon dan il-ftehim li se jwassal għal preservazzjoni u innovazzjoni artistika u kulturali aktar profonda fost il-lokalitajiet. “Permezz ta’ din l-inizjattiva nistgħu nassiguraw li l-kultura tagħna tibqa’ ħajja għall-ġenerazzjonijiet futuri,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.

L-Uffiċjal Ewlieni tal-Operat – Finanzjament u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi qalet, “Din l-inizjattiva hija pass sinifikanti ’l quddiem fir-rikonoxximent tal-irwol tal-komunitajiet lokali għall-mod ta’ kif dawn ifasslu l-pajsaġġ kulturali ta’ Malta. Billi naħdmu flimkien ma’ dawn il-partijiet inkunu nistgħu niżguraw li l-wirt kulturali jibqa’ aċċessibbli u jkompli jevolvi. Permezz ta’ dan il-ftehim, aħna mhux biss ħa nkunu qegħdin nippreservaw il-kultura iżda wkoll nrawmu l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni fuq livell reġjonali.”

Dan il-ftehim ikopri l-Kunsilli Reġjonali tal-Port, Lvant, Għawdex, Tramuntana, Nofsinhar, u l-Punent. F’kull reġjun se jkun hemm timijiet dedikati ta’ koordinament li se jissorveljaw it-twettiq tal-proġett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport