Saturday, October 26, 2024

Iffirmat ftehim li se jwassal għal gruppi ta’ sapport psikoloġiku fil-komunità

Aqra wkoll

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, b’kollaborazzjoni ma’ SOS Malta, se tkun qed torganizza gruppi ta’ sapport psikoloġiku għal persuni li għandhom 60 sena jew iktar u li jgħixu fil-komunità. Dawn il-gruppi, wieħed f’Malta u ieħor f’Għawdex, se jservu bħala proġett pilota.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li għalija attenda l-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, u fejn ġie ffirmat ftehim ma’ SOS Malta.

Ġie spjegat li l-programm jikkonsisti f’seba’ sessjonijiet ta’ madwar siegħa u nofs kull waħda, li se jsiru darba fil-ġimgħa fil-ħamsa ta’ filgħaxija. Matul dawn is-sessjonijiet se jiġu diskussi diversi suġġetti ta’ interess għal persuni anzjani, fosthom is-solitudni, luttu, relazzjonijiet, komunikazzjoni, li tirrispetta lilek innifsek, tibdil psikosoċjali minħabba l-età, irtirar mix-xogħol, tibdil fil-familja u suġġetti oħra li jistgħu jiġu mitluba mill-parteċipanti fil-grupp.

Dawn il-gruppi se jgħinu wkoll biex kemm jista’ jkun wieħed ikollu kontroll fuq l-emozzjonijiet u l-imġiba tiegħu u sabiex jgħinuh ikompli b’ħajtu minkejja ċerti sitwazzjonijiet diffiċli li jiltaqa’ magħhom. Dawn is-sessjonijiet se jkunu koordinati minn psikologu kwalifikat li se jistimula d-diskussjoni u jipprovdi informazzjoni kif wieħed jista’ jgħin lilu nnifsu.

Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega li dawn is-sessjonijiet se jkunu qed jiġu ffinanzjati mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u kull min hu interessat se jkun qed jattendi mingħajr ħlas.

“Sodisfatti b’dan il-ftehim għaliex dmirna li ngħinu lill-anzjani mhux biss bi proġetti infrastrutturali u materjali biss iżda wkoll emozzjonalment u psikoloġikament,” qal il-Ministru Abela.

F’Malta, dawn il-gruppi se jkunu qed jiltaqgħu fis-sala tal-Parroċċa Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun, filwaqt li s-sessjonijiet f’Għawdex se jsiru fis-sala tal-Parroċċa ta’ Sannat. Persuni interessati li jattendu għandhom japplikaw billi jċemplu fuq 22788238 jew billi jimlew il-formola online mill-website www.activeageing.gov.mt jew minn fuq il-paġna ta’ Facebook ‘Active Ageing and Community Care’.

Sport