Monday, December 2, 2024

Iffirmat ftehim li se jwitti t-triq għat-tielet halfway house f’pajjiżna u l-ewwel waħda għall-priġunieri nisa

Aqra wkoll

Permezz ta’ Memorandum of Understanding, iffirmat mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-fondazzjoni RISe, se jkun possibbli li tinfetaħ it-tielet dar li tilqa’ priġunieri fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom sabiex isegwu programm intensiv ta’ riabilitazzjoni u rintegrazzjoni fil-qalba tal-komunità, liema dar se tkun l-ewwel waħda intiża għall-priġunieri nisa.

Din id-dar se tkun qed tiftaħ f’Marsaxlokk u se tkun qed tilqa’ priġunieri nisa li jibdew dan il-programm fl-aħħar sena tas-sentenza li jkunu qegħdin jiskontaw.

Dan il-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u huwa xhieda oħra tal-politika tal-gvern li jinvesti dejjem aktar fil-proċess effettiv ta’ riabilitazzjoni.

B’investiment ta’ kważi nofs miljun ewro fuq tliet snin, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol flimkien mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi se jkunu qed jaraw li jassistu lir-RISe sabiex jiġi impjegat tim multidixxiplinarju li se jkollu t-treġija tad-dar f’idejh.

Dan it-tim se jkun jinkludi amministratur, psikologu, social worker, terapista tal-familja u anke konsulent fuq ix-xogħol, fost oħrajn sabiex jassiguraw li l-persuni li jkunu qed isegwu dan il-programm jingħataw l-attenzjoni professjonali kollha possibbli u fl-istess ħin il-professjonisti jkunu jistgħu jsegwu l-progress reġistrat.

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi se tkun qed tassisti wkoll mil-lat ta’ sigurtà, kif isir fid-djar l-oħra tal-istess xorta.

Għall-istess dar, il-Ministeru permezz tal-Aġenzija LESA kien diġà assista b’investiment ta’ madwar €15,000 sabiex ġew mixtrija numru ta’ kameras tas-sigurtà.

F’kumment il-Ministru Byron Camilleri laqa’ dan il-ftehim u ddeskriviEh bħala pass ieħor importanti lejn il-proċess riabilitattiv. “Kuntent li llum permezz ta’ dan il-ftehim qed neliminaw diskriminazzjoni li kien hemm, billi sal-lum setgħu biss jattendu għal dawn it-tip ta’ programmi, priġunieri rġiel. Illum sodisfatt li mhu qed inħallu lil ħadd jitlef iċ-ċans li jiġi megħjun biex jerġa’ jiġi lura fuq saqajh.”

Il-Ministru aċċenna għall-fatt li fl-aħħar snin sar sforz akbar fuq riabilitazzjoni tal-persuni, sabiex meta jiskontaw is-sentenza jirritornaw fis-soċjetà bħala persuna aħjar.

Fl-aħħar nett il-Ministru Camilleri rringrazzja lill-Fondazzjoni RISe tal-ħidma sfiqa li twettaq mingħajr daqq ta’ trombi sabiex ikunu hemm għal tant nies u familji fl-aktar mumenti diffiċli.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tar-RISe Charles Mifsud qal li dan il-ftehim huwa tragward ieħor importanti fil-ħidma tal-fondazzjoni fejn qed ikomplu jkabbru l-operat tagħhom. Huwa rringrazzja lill-Gvern li kull darba li jitlob l-għajnuna, ikun hemm dejjem min lest li jisma’ u jassisti.

Preżenti waqt l-iffirmar ukoll kien hemm is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi Chris Siegersma, u Dun Franco Fenech, direttur tar-RISe.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport