Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) iffirmaw ftehim settorali ġdid li se jkopri s-snin 2022 – 2026. Dan il-ftehim se jolqot 1,600 professjonist mediku, fosthom konsulenti, speċjalisti u general practitioners li joffru s-servizzi tagħhom lis-settur pubbliku.
Il-ftehim il-ġdid se jkopri realtajiet ġodda fil-qasam mediku li bdew jinħassu aktar mill-pandemija ’l hawn bħalma hu s-servizz tat-telemedicine.
F’kumment li ta wara l-iffirmar tal-ftehim, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dan il-ftehim settorali se jagħmilha aktar faċli biex jintużaw aħjar ir-riżorsi kollha li għandu l-pajjiż, fost l-oħrajn billi s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jaħdmu bl-aħjar mod filgħaxijiet u fi tmiem il-ġimgħa, kif ukoll billi jingħataw iżjed servizzi barra mill-Isptar Mater Dei. Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lil kull min kien involut fin-negozjati li bdew f’Marzu tas-sena li għaddiet u li wasslu għal konklużjoni pożittiva.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MAM Dr Martin Balzan qal li dan il-ftehim ikompli jibni fuq it-tajjeb li diġà kien hemm u li huwa ta’ benefiċċju mhux biss għat-tobba, imma anke għas-servizz tas-saħħa u għall-pazjenti kollha. Huwa rringrazzja lill-Ministeru għas-Saħħa tan-negozjati li rnexxew biex intlaħaq ftehim.