Monday, December 1, 2025

Iffirmat ftehim settorjali għall-ħaddiema tad-DOI li se jtejjeb is-salarji u l-kundizzjonijiet ta’ aktar ħaddiema

Aqra wkoll

Waqt li żar id-Dipartiment tal-Informazzjoni fil-Belt Valletta fl-okkażjoni tas-sebgħin anniversarju mit-twaqqif tal-istess Dipartiment, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana ppresjedew għall-ftehim settorjali ffirmat bejn is-Servizz Pubbliku u l-General Workers’ Union. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim se jgawdu mat-30 ħaddiem tad-DOI u bih se jitjiebu b’mod qawwi s-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema fid-DOI fosthom fotografi u uffiċjali għall-informazzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif dan il-ftehim huwa parti minn sensiela ta’ ftehimiet oħra li bihom il-Gvern kompla jsaħħaħ il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku. Qal li frott ekonomija b’saħħitha, il-Gvern huwa f’qagħda li jkompli jinvesti bis-saħħa fil-ħaddiema tiegħu apparti li daħħal miżura wara oħra tat-tnaqqis fil-ħlas tat-taxxa għall-ħaddiema u l-familji.

Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, l-impjegati se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn titjib fl-iskali, allowances li huma direttament relatati mal-ħidma tagħhom u allowances li jingħataw skont il-prestazzjoni tal-impjegat. Il-ftehim qiegħed jirrikonoxxi l-ħidma siewja li ssir mill-ħaddiema li jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni aġġornata, komprensiva u ta’ siewi dwar il-politika, is-servizzi u l-attivitajiet tal-Gvern kif ukoll dwar affarijiet ta’ interess pubbliku.

Intant fiż-żjara li saret, il-Prim Ministru Robert Abela ra l-ħidma li ssir mid-Dipartiment tal-Informazzjoni li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Id-Dipartiment għandu arkivji ta’ madwar 2.2 miljun ritratt li jinsab fi proċess li jiġu diġitalizzati. Fl-arkivji tad-DOI hemm ukoll mal-2,000 filmat ta’ bejn is-sittinijiet u t-tmeninijiet li qed jiġu diġitalizzati.

Fl-okkażjoni tas-sebgħin anniversarju, id-Dipartiment ħa ħsieb li jsir ktieb b’sebgħin ritratt minn fotografi tad-DOI u li kopja ta’ din il-pubblikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Prim Ministru Robert Abela. Il-ftehim settorjali ġie ffirmat mill-Kap tat-Taqsima għar-Relazzjonijiet Industrijali fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti (People & Standards) Thomas Woods, mid-Direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni Roderick Caruana u mis-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin. Preżenti kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport