Tuesday, December 24, 2024

Iffirmat ftehim ta’ devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tax-Xgħajra għall-uffiċini amministrattivi tal-Kunsill

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli ppresedew l-iffirmar ta’ ftehim ta’ devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tax-Xgħajra. Grazzi għal dan il-ftehim, binja tal-Gvern fejn preżentement qed jamministra l-Kunsill Lokali li jinsab fil-Batterija magħrufa bħala tal-Grazzja, kif ukoll workshop u spazju fejn isir xogħol ta’ manutenzjoni mill-ħaddiema tal-Kunsill, se jgħaddu formalment f’idejn il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li huwa ta’ inkoraġġiment li tara Kunsilli Lokali jinsistu u jaħdmu biex ikomplu jtejbu s-servizzi tagħhom għar-residenti. “Huwa propju għalhekk li hekk kif qed nagħmlu f’diversi lokalitajiet, grazzi anke għall-Awtorità tal-Artijiet, ħassejna li huwa xieraq li dan is-sit ukoll jgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra,” tenna l-Ministru.

Huwa kompla jispjega li anke l-Kunsill Lokali tax-Xgħajra se jkun qed jibbenefika mill-iskema ta’ capping fuq il-kirja annwali tal-art ta’ €500 biss fis-sena. “Nawgura li dan il-ftehim iwassal sabiex din il-binja tkompli tiġi utilizzata bl-aħjar mod possibbli dejjem għall-benefiċċju tar-residenti ta’ din il-lokalità,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli laqgħet b’sodisfazzjon dan it-trasferiment tal-uffiċini amministrattivi tal-Kunsill Lokali tax-Xgħajra. Qalet li dan huwa ta’ importanza kbira għal Kunsill Lokali li jkun is-sid tal-istess binja li minnha qed jopera.

“Sabiex inkomplu nassistu lill-Kunsilli Lokali fil-ħidma tagħhom, fl-aħħar xhur rajna għadd ta’ trasferimenti ta’ artijiet f’diversi lokalitajiet. Permezz ta’ dawn it-trasferimenti l-Kunsilli Lokali qed ikunu f’pożizzjoni li joperaw aħjar u anke jagħmlu proġetti diversi fuq dawn l-artijiet, li eventwalment tgawdi minnhom il-komunità rispettiva,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku tax-Xgħajra Neil Attard qal li permezz tal-ftehim li ġie ffirmat, il-Kunsill Lokali se jkun jista’ jtejjeb is-servizzi lill-komunità tax-Xgħajra u l-pubbliku li jżur din il-lokalità.

Ekonomija

Sport