Monday, June 9, 2025

Iffirmat it-Tieni Ftehim Kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Parlamentari

Aqra wkoll

Illum ġie ffirmat it-Tieni Ftehim Kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Parlamentari, li ser ikun ikopri kważi 40 impjegat mal-Kamra tad-Deputati, Parlament ta’ Malta.

F’diskors qasir qabel l-iffirmar tal-ftehim, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Anġlu Farrugia, spjega kif dan il-Ftehim, li jkopri s-snin 2025–2030, ikompli jibni fuq l-ewwel Ftehim b’saħħtu li kien ġie konkluż fl-2022.

L-Ispeaker irringrazzja lis-Sur Kendrick Bondin, Section Secretary tat-taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU, u lill-Iskrivan tal-Kamra, is-Sa Eleanor Scerri, li mexxew in-negozjati sabiex dan it-tieni Ftehim Kollettiva jkun jista’ jiġi konkluż, kif ukoll lis-Sa Claudine Parnis u s-Sur Stephen Grech li rrappreżentaw lill-ħaddiema f’dan il-proċess.

L-Ispeaker irrefera għad-diskors tiegħu tas-Sette Giugno ta’ din is-sena fejn spjega kif il-ħidma fil-Parlament dejjem qiegħda tikber u tevolvi, u jekk ma jkollux is-sotenna ta’ amministrazzjoni b’saħħitha l-ħidma kollha li bħalissa għaddejja ma tkunx possibbli.

Huwa spjega kif permezz tal-kundizzjonijiet offruti lill-ħaddiema tal-Kamra tad-Deputati, is-Servizz qiegħed jimmira li jkompli jsaħħaħ ir-riżors uman sabiex ikun dejjem ta’ servizz aħjar għall-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Min-naħa tiegħu s-Sur Bondin irringrazzja lill-Ispeaker u lill-amminstrazzjoni tas-Servizz Parlamentari fi ħdan il-Kamra tad-Deputati tal-koperazzjoni sħiħa sabiex jiġi konkluż.

Kif ukoll lir-rappreżentanti u membri tal-fiduċja tagħhom u l-management tal-kooperazzjoni professjonali tagħhom.

Huwa saħaq illi dan il-ftehim huwa wieħed fost l-aqwa li jeżistu fis-settur pubbliku, u dan huwa b’rikonoxximent tax-xogħol importanti u senstittiv li ssir minn din l-istituzzjoni.

“Permezz ta’ dan il-Ftehim Kollettiv aħna komplejna saħħaħna fuq il-pedamenti li konna diġà ppreparajna fl-ewwel Ftehim Kollettiv li għamilna. Hawnhekk komplejna nirrikonoxxu l-pakkett finanzjarju, ir-realtajiet tal-ħaddiema, tas-servizzi li jagħtu hawnhekk, il-ħinijiet li għandhom u għalhekk rajna li noħolqu bilanċ. Fosthom permezz ta’ remote working aċċessibbli għal kulħadd, sakemm ix-xogħol jippermetti, aktar flessibilità u aktar komunikazzjoni. Ftehim Kollettiv li ħdimna fuqu b’mod għaqli u professjonali bejnietna lkoll, fejn tassew għarafna kemm l-operat kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema.

“Nemmen bis-sħiħ li l-ħaddiema jinsabu kuntenti bil-pakkett li ġibna, filwaqt li nattiraw aktar ħaddiema hekk kif is-servizz Parlamentari qiegħed dejjem jikber,” qal Kendrick Bondin.

Ix-shop steward Claudine Parnis u l-Assistant Shop Steward Stephen Grech qalu li huma jemmnu li permezz ta’ dan il-Ftehim Kollettiv se jkomplu jsaħħu fuq dak li hemm. Fost id-diversi kundizzjonijiet offruti semmew li jinsabu kuntenti li l-ħaddiema li se jkunu qegħdin jingħaqdu magħhom se jidħlu b’kuntratt definit. Kundizzjoni li żgur se tkompli tinkoraġġixxi u ssaħħaħ it-tim tal-ħaddiema fil-Parlament.

Huma rringrazzjaw lill-membri kollha tal-apoġġ li jagħtuhom, lill-Iskrivan tal-Kamra u lis-Segretarju tat-Taqsima li ħadmu ħafna flimkien magħhom b’mod tajjeb ħafna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport