Fil-Berġa ta’ Kastilja ġie iffirmat l-aqwa ftehim għaċ-Childcare b’xejn li jkopri erba’ snin u li jiżboq il-kwart ta’ biljun ewro. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-aqwa ftehim jibni fuq il-ftehimiet ta’ qabel, iżda jżid l-investiment kull sena tul il-perjodu applikabbli. B’kollox dan l-aqwa ftehim għaċ-Childcare b’xejn ilaħħaq €276.7 miljun.
Dr Abela qal li dan kollu jikkonferma kif ekonomija b’saħħitha tibqa’ ċ-ċavetta għall-prosperità li rridu nkomplu noħolqu għall-familji Maltin u Għawdxin, u kif dan it-tkabbir qed jiġi tradott f’ħidmiet konkreti li jtaffu l-piż u jsaħħu l-kwalità tal-ħajja. Huwa saħaq li għall-Gvern iċ-Childcare b’xejn, mhux spiża iżda investiment fil-familji. Qal li l-Gvern jappoġġja l-għażliet differenti tal-familji fejn anki introduċa drittijiet ġodda favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
F’pajjiżna qed jiġu allokati 210 sigħat ta’ Childcare b’xejn fix-xahar, b’medja ta’ 50 siegħa fil-ġimgħa, għal kull wild. Studju tal-Bank Ċentrali juri li l-iskema taċ-Childcare b’xejn wasslet għal żieda ta’ 6,200 mara fid-dinja tax-xogħol, li tfisser kważi €180 miljun aktar dħul f’pagi għall-familji. Illum ir-rata tan-nisa fid-dinja tax-xogħol laħqet kważi 75%, meta qabel l-2013 kienet taħt il-50%. Dan kollu wassal biex Malta, minn pajjiż bit-tieni l-inqas rata ta’ mpjiegi fl-Ewropa, illum tinsab fost l-aqwa. “Għalhekk, iċ-Childcare b’xejn jitqies bħala investiment li jkompli jġib ġid ekonomiku u soċjali għall-pajjiż”, saħaq il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru Robert Abela semma kif dan il-ftehim qed jitħaddem flimkien ma’ miżuri u inċentivi soċjali oħra li qed jiġu implimentati permezz tal-Budget ta’ din is-sena, fosthom żewġ tax cuts konsekuttivi fosthom dik introdotta din is-sena għall-ħaddiema kollha ġenituri kemm b’wild wieħed jew żewġt ulied jew aktar, żidiet fiċ-Children’s allowance fejn twettaq aktar milli kien imwiegħed u t-tisħiħ fl-in-work benefit biex ikompli jinċentiva n-nies jikkontribwixxu fid-dinja tax-xogħol.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-miżura ġdida li jinkludi l-aqwa ftehim għaċ-Childcare b’xejn, dik t’allowance ta’ €520 fis-sena, apparti l-paga, li se tingħata lil kull childcarer li jitkellem bil-Malti, kemm Maltin kif ukoll oħrajn li llum jitħaddtu bl-ilsien Malti. Dr Abela nnota wkoll il-bażi importanti għal żvilupp edukattiv li jagħti is-servizz taċ-Childcare.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal, “Waħda mill-prijoritajiet li poġġejna quddiemna meta bdejna ninnegozjaw dan il-ftehim, mhux biss bħala Ministru responsabbli, iżda wkoll bħala missier ta’ tifla li tgawdi miċ-Childcare u li nixtieqha titkellem Malti tajjeb, hu li childcarers li jitkellmu l-Malti mhux biss inżommuhom fis-settur iżda nħajru oħrajn li jagħżlu din il-karriera.”
“Dan li ġie ffirmat illum huwa l-aqwa ftehim tal-iskema taċ-Childcare b’xejn. Investejna aktar fih biex dan is-servizz ikompli b’saħħtu u jkompli jingħata b’xejn, biex insaħħu d-dħul tal-ħaddiema fis-settur u biex ikollna servizz konsistenti u dejjem aħjar għall-familji. Ġieli naħbtu se ninsew kemm mexa ’l quddiem dan il-pajjiż fl-aħħar ftit snin. Iżda, l-bidliet pożittivi kienu kbar u enormi. Bħall-edukazzjoni b’xejn, bħas-saħħa b’xejn, bħall-pensjonijiet, illum iċ-Childcare b’xejn huwa dritt għal kulħadd. F’dawn il-ftit iktar minn għaxar snin gawdew minnu eluf ta’ familji u l-istess se jibqa’ jiġri. Sal-lum kien hemm 40,643 tifel u tifla li attendew għal dan is-servizz. Din kienet waħda mill-ikbar miżuri biex tgħin u twieżen lill-familji fl-aħħar snin. Hekk għinna lil kulħadd. Hekk ħloqna middle-class ġdida”, ikkonkluda l-Ministru Camilleri.
Flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Byron Camilleri, għal dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, ic-Chairperson ta’ Jobsplus Charmaine Cristiano, ic-Chief Operations Officer tal-Malta Chamber of SMEs is-Sur Andrew Aquilina u Elizabeth Parnis miċ-Childcare Centre Providers Assocation.
Waqt li s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Joyce Dimech, il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Celia Falzon, il-President tal-Malta Chamber of SMEs Paul Abela u l-President taċ-Childcare Centre Providers Association Simon Zammit iffirmaw dan il-ftehim.

