Monday, May 26, 2025

Iffirmat l-aqwa ftehim għall-edukaturi u l-ħaddiema tal-MCAST

Aqra wkoll

B’investiment li jiżboq il-€45 miljun, l-edukaturi u l-ħaddiema tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST se jaraw l-aqwa ftehim b’żidiet fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol. Dan biex igawdu kemm il-ħaddiema u l-istudenti li se jkomplu jingħataw l-aqwa servizz edukattiv possibbli.

Qabel l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-aqwa ftehim bħala investiment ieħor qawwi fis-settur edukattiv. Huwa sostna li kif ġie mwiegħed dan il-ftehim iħaddan l-aqwa titjib fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi tal-MCAST, minn progress iżjed mgħaġġel fil-karriera għal żidiet b’saħħithom fil-pagi u allowances ġodda. B’hekk l-MCAST se jkollu l-għodda meħtieġa biex jkompli jattira l-aqwa edukaturi speċjalizzati f’oqsma differenti. Il-ftehim kollettiv jindirizza ukoll il- kwalità fil-klassi u ħarsien tal-istudent biex tkompli tittejjeb l-esperjenza edukattiva. Dan kollu se jkun qed isaħħaħ l-istudent u jagħtih futur ċar b’għażliet konkreti biex javvanza fil-ħajja.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum ngħixu f’soċjetà b’ħafna opportunitajiet, anki dawk vokazzjonali li rridu nibqgħu nwieġbu għalihom u nħarġu bl-aqwa mod lill-istudenti tagħna li jagħżlu din it-triq. Huwa tenna li l-edukaturi huma l-mutur fil-qasam edukattiv u l-aqwa għodda biex l-istudenti fil-vokazzjonal jkomplu jimirħu. “Għalhekk il-Gvern se jkompli jinvesti fil-ftuħ mill-ġdid tal-iskola tas-snajja’ fl-MCAST mis-sena vokazzjonali li jmiss”, fakkar Dr Abela.

Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern jemmen fil-ġustizzja soċjali, u allura jipprijoritizza l-edukazzjoni. Huwa semma li kif titkellem propju l-Viżjoni Malta 2050, il-Gvern huwa kommess li fis-snin li ġejjin ikompli jixpruna tagħlim li jissarraf fl-aqwa opportunitajiet u karrieri għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin f’oqsma li jrendu u jagħtu valur miżjud fl-ekonomija tagħna. Huwa fakkar ukoll li l-istudenti tal-MCAST huma fost dawk iż-żgħażagħ li għall-ewwel sena jew it-tieni sena qed jingħataw l-għotja ta’ €500 fis-sena għal massimu ta’ tliet snin b’total ta’ €1500 talli komplew bil-vjaġġ edukattiv wara l-età obbligatorja.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima afferma li dan il-ftehim iħares lejn diversi aspetti marbuta mal-professjonijiet u ħaddiema varji li jaqgħu taħt il-kappa tiegħu, aspetti finanzjarji b’titjib finanzjarju sostanzjali, u anki l-aspetti marbuta mar-rutina u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. “Fis-sistema edukattiva tagħna rridu nkunu kapaċi nkunu proattivi, irid ikollna kundizzjonijiet tax-xogħol li jirriflettu dawk li huma r-realtajiet tal-lum il-ġurnata. Matul in-negozjati li saru kellna biss għan wieħed, dak li npoġġu fuq il-mejda proposti sostenibbli u b’saħħithom li jirriflettu r-responsabbiltajiet tal-professjonijiet varji filwaqt li npoġġu wkoll lill-istudenti fiċ-ċentru”, qal il-Ministru Grima.

Il-Prinċipal tal-MCAST Stephen Vella qal li dan l-investiment jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-edukaturi u l-impjegati tal-Kulleġġ, li jaħdmu b’passjoni għall-eċċellenza u li qed iħejju l-mexxejja ta’ għada. Saħaq li dan l-investiment ifisser ħafna għall-istudenti tagħna kollha, li qed ifittxu li jikbru kemm bħala persuni kif ukoll bħala professjonisti; li jixtiequ jikkompetu mhux biss f’Malta, iżda wkoll fuq livell internazzjonali; u li qed ifittxu mhux biss ċertifikat, iżda esperjenza li tibdlilhom ħajjithom. “Għandna responsabbiltà li nirsistu biex dan il-ftehim jissarraf f’settur vokazzjonali b’saħħtu għal benefiċċju ta’ kull student”, qal Vella.

Fl-okkażjoni tal-ftehim tkellem ukoll il-President tal-Unjin għall-Għalliema, l-MUT Marco Bonnici. Huwa sostna li ż-żerriegħa li żrajna fl-aħħar ftehim illum qed tagħti l-frott bi ftehim ġdid li qed ikompli jsaħħaħ il-parità fl-istituzzjonijiet edukattivi għolja f’pajjiżna. “Dan ser iwassal ukoll biex għall-ewwel darba l-MCAST joffri l-Professorat lill-gradi f’dan il-ftehim”, temm jgħid Bonnici.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport