Fil-Barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa, it-Tnejn filgħaxija ġie ffirmat l-aqwa ftehim settorjali għas-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn il-fond tas-salarji issa ser ilaħħaq investiment ta’ €68 miljun. Ftehim li jibni fuq ta’ qablu, li kien l-ewwel wieħed, u li reġa’ ġie iffirmat mar-rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema, il-General Workers’ Union. Il-ftehim se jerġa’ jagħti żidiet b’saħħithom u jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ madwar 1,800 uffiċjal.
F’okkażjoni sabiħa fil-Barracks ta’ Ħal Luqa qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-issiġillar ta’ dan il-ftehim bħala investiment ieħor f’kategorija ta’ ħaddiema. Kategorija ta’ ħaddiema parti mill-Amministrazzjoni Pubblika li gawdiet ukoll mill-ftehim kollettiv tal-Amministrazzjoni Pubblika ffirmat lejn tmiem is-sena l-oħra. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif mill-bidu tax-xahar li għadda sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-Gvern ser ikun iffirma xejn inqas minn 11-il ftehim li bih jagħti żidiet u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ 1,100 ħaddiem tal-Amministrazzjoni Pubblika.
“Kull ftehim qed nagħmluh mhux għal medda twila ta’ snin jew inħalluh jiskadi u ma niffirmaw ieħor qatt. Anzi ħames snin wara ħames snin, il-ħaddiema qed jaraw titjib fil-kundizzjonijiet u żidiet qawwija,” qal Dr Abela li rrimarka kif dan ma jsirx biss għax il-Gvern għandu x-xewqa li jagħmel dan iżda għax finanzjarjament huwa sod, stabbli u jiflaħ iqassam il-ġid u jinvesti fil-ħaddiema tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li d-direzzjoni ekonomika tal-Gvern hija b’enfasi fuq il-kwalità. Qal li l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd hija dik li titkellem dwarha l-Viżjoni Malta 2050, fejn il-ħaddiema u l-familji jkomplu jkunu fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu biex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem. Qal li għalhekk ma nistgħux ma ninvestux f’min meta l-pajjiż isejjaħlu, ikun dejjem hemm bħal ma huma l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta li sar anki investiment b’saħħtu fir-riżorsi li jużaw. Il-Prim Ministru saħaq li l-pajjiż huwa grat lejn is-suldati u ħeġġiġhom biex jibqgħu jaħdmu għal Malta.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri sostna li Malta sigura u kundizzjonijiet aħjar flimkien ma’ drittijiet imsaħħa għall-ħaddiema, mhumiex biss kliem jew buzzwords, iżda huma l-prijoritajiet li dan il-Gvern jaħdem għalihom kuljum. Fisser li s-sigurtà tal-pajjiż u l-investiment fil-ħaddiema li jagħtu ħajjithom għal dan il-għan, għandhom jimxu id f’id. “Għaliex nemmnu li l-Korpi Dixxiplinati tagħna, jistħoqqilhom l-aqwa kundizzjonijiet. Però mhux nemmnu biss, inwettquhom darba wara oħra. B’dan qegħdin nagħmluh għat-tieni darba f’ħames snin mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta,” sostna l-Ministru Camilleri. Ikkonkluda li l-Gvern ser jibqa’ ta’ spalla mal-Korpi Dixxiplinati kollha, kif kien fl-aħħar snin, mhux biss b’aktar investiment f’dak kollu li jeħtieġu fil-qadi ta’ dmirijiethom iżda wkoll billi tibqa’ tiġi premjata l-bżulija.
F’din l-okkażjoni tkellem ukoll il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton J O’Neill, li fil-preżenza tas-suldati fisser id-differenza li dan il-ftehim ser jagħmel għall-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta u kif dan ser ikun qiegħed iwassal ukoll biex ikompli jissaħħaħ is-servizz mogħti. “Huwa wkoll ftehim li jirrifletti kif bħala Forza Dixxiplinata qegħdin nibqgħu niġġeddu, nibqgħu nissaħħu u nevolvu. Ir-rekluti li qegħdin jilbsu l-uniformi u jibdew iservu juri wkoll dan.” Ikkonkluda b’ringrazzjament lil dawk kollha involuti biex issa l-Forzi Armati ta’ Malta bdew igawdu mill-aqwa ftehim settorjali.
Min-naħa tal-Gvern, għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, u s-Segretarji Permanenti Joyce Cassar u Joyce Dimech.