L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni (EPA) ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tagħha mal-UHM – Voice of the Workers, li jimmarka pass importanti għall-awtorità u għall-impjegati tagħha. Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Permezz ta’ dan il-ftehim, l-impjegati tal-EPA se jibbenefikaw minn qafas definit għall-progress fil-karriera, li jipprovdi opportunitajiet strutturati għat-tkabbir professjonali fi ħdan l-Awtorità.
Il-ftehim jinkludi wkoll pakkett imtejjeb ta’ remunerazzjoni, b’żidiet fis-salarji bażiċi u fl-allowances li jirriflettu l-livell ta’ responsabbiltà li jwettqu l-impjegati tal-EPA. Dan it-titjib għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ l-impenn tal-Awtorità li tipprovdi servizz ta’ kwalità għolja u ffukata fuq il-pazjent.
Il-Ministru Jo Etienne Abela nnota b’sodisfazzjon dan il-ftehim kollettiv ġdid favur l-impjegati tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni. Sostna li dan huwa pass importanti għall-ħaddiem f’din l-entità u qal li l-Gvern kommess li jkompli joffri l-aqwa kundizzjonijiet lill-professjonisti fis-settur tas-saħħa.