Sunday, November 24, 2024

Iffirmat l-Ewwel Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi

Aqra wkoll

Il-GWU permezz tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi għadha kemm iffirmat l-ewwel Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi. Dan l-uffiċċju twaqqaf fl-2021 u bħalissa jimpjega 18-il ħaddiem.

Il-Ftehim Kollettiv li huwa għal perjodu ta’ ħames snin li ġie ffirmat minn Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi u Lawrence Bugeja, Assistent  Segretarju u Kathryn Zahra u Clint Pace impjegati tal-Agenzija u rappreżentanti tal-GWU. Għan-naħa tal-Kumpanija ifirmaw Anton Sevasta CEO u Ismael Buttiġieġ u Kenneth Cutajar. Dan l-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union.

Dan l-ewwel Ftehim Kollettiv minn kemm ilha mwaqqfa din l-Aġenzija ġab titjib konsiderevoli fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fi żmien meta l-aġenzija qed tikber, fosthom b’uffiċini ġodda fil-Marsa. Grazzi għall-ħidma li wettqu l-ħaddiema fl-aħħar disa’ xhur saru xejn inqas minn ħamsa u erbgħin (45) spezzjoni li kawża tagħhom ġew iffrizati mal-ħames (5) miljun ewro.

Kendrick Bondin, is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi qal li hu kuntent li permezz tal-ftehim mhux biss hemm titjib konsiderevoli fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, imma fuq kollox ħoloq struttura u għandu jservi ta’ pjattaforma għall-ġejjien tal-imsieħba tal-GWU u anke fejn tidħol r-rappreżentanza tal-ħaddiema u relazzjoni bejn il-Union u l-Management.

Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja li f’kumment li ta wara l-iffirmar qal li d-djalogu soċjali f’pajjiżna huwa b’saħħtu u dan huwa importanti għall-ħaddiema, biex ikollhom kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol.

Sport