Saturday, January 4, 2025

Iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Aqra wkoll

Il-prosekuturi u l-prokuraturi legali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jibbenefikaw minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi tagħhom, fosthom fil-pakkett finanzjarju, wara ftehim milħuq bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-UĦM – Voice of the Workers li tirrappreżenta lill-ħaddiema. Il-Ministru għall-Ġustizzja ppresjeda ċ-ċerimonja li fiha ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li bih mistenni jgawdu ’l fuq minn 50 professjonist legali.

Dan il-ftehim kollettiv – li seħħ permezz ta’ djalogu soċjali bejn l-UĦM li jirrappreżentaw il-ħaddiema, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru – se jiżgura li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali se jkollu fi ħdanu avukati motivati, imħarrġa u impenjati biex jaffaċċjaw l-isfidi attwali u li ġejjin.

Il-Ministru għall-Ġustizzja saħaq kif b’dan il-ftehim kollettiv qed nassiguraw li noffru s-sostenn meħtieġ lil din l-istituzzjoni biex il-professjonisti legali fi ħdanha jaqdu dmirhom bl-aqwa mod possibbli u fl-interess tal-ġustizzja. Fil-fatt fl-aħħar snin il-Gvern żied l-investiment fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali b’mod sostanzjali, tant li mis-sena 2020 sal-lum ġiet irduppjata l-allokazzjoni ta’ fondi. Illum l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali għandu allokat ’il fuq minn €3.5 miljun.

Il-Ministru Jonathan Attard qal kif dan l-investiment qed isarraf f’aktar xogħol, hekk kif is-sena 2022 kienet sena rekord ta’ effiċjenza għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Tul is-sena 2022 inħarġu 288 set ta’ artikoli, 38 att ta’ akkuża u mill-2022 sal-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena l-uffiċċju istitwixxa 135 kawża kriminali.

Fid-diskors tagħha, l-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg tat sfond tal-ħidma li qed isseħħ fi ħdan id-diversi sezzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Hija saħqet ukoll li l-prinċipji li jħaddan dan il-ftehim kollettiv huma l-investiment, iż-żamma u t-tmexxija ’l quddiem tal-uffiċjali li diġà jaħdmu fl-uffiċċju, kif ukoll sabiex ikompli jattira nies ta’ esperjenza sabiex bħala uffiċċju jkompli għaddej bil-ħidma.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella tenna kif dan it-tragward huwa importanti għall-ħaddiema, hekk kif dan il-ftehim, li jkopri sas-sena 2024, se jtejjeb il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-professjonisti legali. Huwa għalaq billi rringrazzja lil dawk kollha li kienu involuti fit-taħdidiet biex wasalna sa hawn.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joyce Cassar, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja Johan Galea, kif ukoll ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u rappreżentanti tal-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport