Għadu kif ġie ffirmat l-ewwel ftehim settorjali bejn il-GWU, il-UHM u l-Ministeru tas-Saħħa għall-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Immaniġġjar tal-Iskart f’Mater Dei.
Dan minħabba li s-sitwazzjoni preżenti kienet dik li l-ħaddiema ma kienux strutturati u għalhekk kien hemm diversi ħaddiema f’pożizzjonijiet u gradi differenti. Permezz tal-ħidma meħtieġa mill-GWU issa l-ħaddiema se jkollhom aktar uniformità fl-istruttura tagħhom.
“Permezz ta’ dan il-ftehim irrikonoxxejna l-ħidma ta’ dawn l-uffiċjali. Ħaddiema li jiltaqgħu mal-iskart kollu li jiġġenera l-isptar Mater Dei. Mill-fdalijiet tal-ikel sa skart ieħor li jintrema wara l-operazzjonijiet. Ikkunsidrajna li dawn il-ħaddiema jiltaqgħu ma’ dan kollu hekk kif ikunu jridu jisseparaw l-iskart biex jintrema skont il-ħtieġa,” qal is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin.
Għaldaqstant ittieħed rendikont tan-natura tal-ambjent li jaħdmu fih apparti l-irwejjaħ tal-kimiċi, u għalhekk permezz ta’ dan il-ftehim se jingħataw żidiet li jirriflettu dan.
“Filwaqt li rajna li jkun hemm strutturar fil-pożizzjonijiet u l-gradi sabiex anke jattiraw ħaddiema ġodda dawn l-uffiċjali se jibdew jingħataw ukoll allowances li jirriflettu l-iskumditajiet u n-natura tal-ambjent ta’ dan ix-xogħol.”
Il-Ministeru tas-Saħħa kien lest li jisma’ t-talbiet tal-GWU u tħejja dan il-ftehim settorjali. Preżenti għall-ftehim kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u s-Segretarju Permanenti tas-Saħħa Joseph Chetcuti.