Thursday, May 9, 2024

Iffirmat l-Konvenzjoni Hague li jipproteġi adulti b’diżabiliità

Aqra wkoll

Malta iffirmat l-Konvenzjoni Hague dwar il-Protezzjoni Internazzjonali tal-Adulti, fl-Olanda. 

Il-Konvenzjoni Hague ssir kull ħames snin, biċ-ċerimonja tal-lum kienet iddedikata għall-firma ta’ Malta fejn attendiet għal din iċ-ċerimonja l-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli.

L-iffirmar isegwi wegħda tal-manifest elettorali u miżura li tħabbret fil-Budget 2023, ifisser li l-Gvern Malti kompla bil-ħidma tiegħu li persuni adulti b’diżabilità jkunu protetti fuq livell internazzjonali.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli enfasizzat li dan huwa mument storiku għal Malta u għal kull persuna adulta b’diżabilità, hekk kif permezz ta’ dan l-iffirmar, se tissaħħaħ il-protezzjoni tagħhom fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru Farrugia Portelli fakkret li l-iffirmar tal-Konvenzjoni Hague huwa pass ieħor fil-vjaġġ ta’ riformi li lkoll flimkien bħala poplu imbarkajna biex ngħixu f’Malta aktar inklużiva. Kompliet tgħid li għal darb’oħra, pajjiżna qiegħed jibgħat messaġġ b’saħħtu ta’ tolleranza żero lejn kull azzjoni li għandha l-intenzjoni li tnaqqar mill-protezzjoni tal-persuni b’diżabilità.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Konvenzjoni Hague dwar id-Dritt Internazzjonali Privat (HCCH) Christophe Bernasconi, kellu kliem ta’ tifħir għal Malta hekk kif iddeskriva dan il-mument bħala wieħed ta’ kburija għall-HCCH.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana, il-Kap tad-Dipartiment tat-Trattati fi ħdan il-Ministeru Olandiż għall-Affarijiet Barranin Jules van Eijndhoven, l-Ambaxxatur Malti għall-Olanda Mark Pace u rappreżentanti mill-Unjoni Ewropea u minn diversi membri stati Ewropej u pajjiżi oħrajn.

Malta hija s-17-il Membru Stat tal-Unjoni Ewropea li qiegħda tiffirma din il-Konvenzjoni.

Sport