Erba’ ftehimiet (Memorandum of Understanding) kienu ffirmati waqt żjara ta’ tlett ijiem f’Ankara, t-Turkija, mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima li permezz tagħhom se jkun hemm kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat f’diversi oqsma. Il-Ministru Grima kien akkumpanjat minn Dr Marisa Farrugia, Ambaxxatur ta’ Malta għat-Turkija, u Charles Calleja, l-Ewwel Segretarju fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Ankara.
Ftehim importanti kien iffirmat mal-Ministru għall-Edukazzjoni Nazzjonali tar-Repubblika tat-Turkija, Yusuf Tekin li jimmarka kapitlu ġdid fil-kooperazzjoni bilaterali fil-qasam tal-edukazzjoni. Dan il-ftehim jiftaħ il-bibien għal kollaborazzjoni f’diversi oqsma fosthom l-iskambji ta’ studenti u akkademiċi, riċerka konġunta, edukazzjoni diġitali u l-promozzjoni tal-lingwi u l-kulturi taż-żewġ pajjiżi.
Matul il-laqgħa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali, iż-żewġ ministri enfasizzaw ir-rwol vitali tal-edukazzjoni fil-bini tal-paċi, fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġustizzja fis-soċjetajiet moderni. Il-Ministru Tekin enfasizza l-importanza tas-settur edukattiv għall-gvernijiet li jaspiraw li jsaħħu l-paċi u jżommu l-valuri universali. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima esprima l-impenn ta’ Malta lejn din is-sħubija, u ddeskriva l-ftehim bħala l-ewwel pass lejn azzjoni konkreta lejn kollaborazzjoni għal bdil ta’ għarfien, tħeġġeġ ir-rispett reċiproku u toħloq opportunitajiet ġodda għall-istudenti u l-akkademiċi fiż-żewġ pajjiżi.
Żewġ ftehimiet kienu ffirmati ma’ Dr Osman Aşkın Bak, Ministru għaż-Żgħażagħ u l-Isport tar-Repubblika tat-Turkija, li permezz tagħhom ġew imsaħħa aktar is-sħubija bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam taż-żgħażagħ u l-isport. Dawn il-ftehimiet kienu ffirmati wara diskussjonijiet li kellhom aktar kmieni din is-sena waqt il-Konferenza Ministerjali li saret f’Malta. Waqt il-laqgħa f’Ankara l-Ministru Bak spjega l-portafoll estensiv tal-ministeru tiegħu, b’mod partikulari l-appoġġ lill-istudenti universitarji permezz ta’ għotjiet, l-iżvilupp ta’ infrastruttura sportiva, u t-tisħiħ ta’ ċentri għaż-żgħażagħ madwar it-Turkija.
Il-Ministru Grima rrefera mill-ġdid għall-impenn ta’ Malta li tinvesti fl-infrastruttura sportiva u ttejjeb il-faċilitajiet, u esprima l-appoġġ tiegħu għal inizjattivi konġunti biex jingħeleb id-distakk diġitali u jiġu esplorati kollaborazzjonijiet fl-isport akwatiku. Iż-żewġ ministri qablu li dawn iż-żewġ ftehimiet huma pass sinifikanti lejn il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ u l-atleti, u lejn it-tisħiħ tal-fehim reċiproku permezz tal-isport u l-iskambji taż-żgħażagħ.
Il-ftehimiet jipprovdu għal skambju ta’ delegazzjonijiet taż-żgħażagħ, għat-tixrid ta’ għarfien espert fl-infrastruttura sportiva, għall-parteċipazzjoni konġunta f’avvenimenti internazzjonali taż-żgħażagħ u tal-isport, u għall-kooperazzjoni f’oqsma fosthom taħriġ, u l-isfida tad-distakk diġitali.
Mall-Prof. Dr Erol Özvar, President tal-Kunsill tal-Edukazzjoni Għolja tar-Repubblika tat-Turkija, il-Ministru Clifton Grima ffirma ftehim storiku fil-Kunsill Tork għall-Edukazzjoni Għolja f’Ankara.
Iż-żewġ naħat qablu dwar ir-rwol vitali tal-edukazzjoni għolja biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn Malta u t-Turkija. Il-President Özvar iddeskriva l-ftehim bħala espressjoni sinifikanti ta’ viżjoni konġunta għall-kooperazzjoni akkademika. Il-Ministru Grima rrefera għall-impenn sod ta’ Malta li toħloq opportunitajiet għall-istudenti u d-dinja akkademika, u enfasizza r-rwol importanti tal-Ambaxxata Maltija fit-Turkija fil-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim.
Il-ftehim jistabbilixxi qafas għal skambji akkademiċi u xjentifiċi, u jappoġġja l-mobbilità tal-istudenti u ta’ akkademiċi, programmi konġunti ta’ studju li jwassal għal diploma, u kollaborazzjoni fosthom il-qasam marittimu, dak turistiku, l-Arkivji Storiċi, l-Arkeoloġija, id-Desalinizzazzjoni tal-Ilma u t-Teknoloġiji tal-Blockchain.
Din is-sħubija tirrappreżenta pass sinifikanti lejn qsim tal-għarfien, rispett reċiproku, u opportunitajiet ġodda għall-komunitajiet tal-edukazzjoni għolja taż-żewġ pajjiżi.

