Friday, November 7, 2025

‘Iffoka fuq il-preżent u aħdem kull ġurnata sabiex ikollok progress kontinwu’ – Carlston Cardona

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Sa minn meta kont żgħir, niftakar dejjem kont inkun barra (jew l-iskola) nilgħab il-futbol mal-ħbieb, kif ukoll waħdi u dejjem infittex u nitgħallem affarijiet ġodda. Imbagħad sirt insewgi plejers barranin li kienu ta’ ispirazzjoni kbira għalija u b’hekk dejjem bqajt nittrenja u nitgħallem.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Msida SJ FC.

L-esperjenza preżenti tiegħi hija waħda pożittiva għax għandna tim kompettitiv kompost minn plejers żgħażagħ kif ukoll plejers ta’ ċerta esperjenza fil-futbol lokali. Flimkien mal-kowċis u mal-kumitat għandna skwadra magħquda u nemmen li flimkien se jirnexxielna nilħqu t-tragward tagħna għal dan l-istaġun.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew ilħaqt it-tragward tal-100 partita fil-karriera tiegħek?

Dan it-tragward huwa wieħed importanti għalija bħala plejer proprju għaliex huwa tragward illi jirrikjedi u juri d-dedikazzjoni illi plejer tal-futbol ikollu matul is-snin sa minn etá żgħira. Meta nħares lura niftakar fl-esperjenzi kollha illi għaddejt minnhom u nkun sodisfatt illi tajjeb u ħażin, irnexxieli nibqa’ għaddej u saffratant ilħaqt dan it-tragward.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?

Għalkemm għadu kmieni, diġá għandna skwadra magħquda u b’saħħitha u sa issa għadna ma tlifniex logħba. Dan juri li għandna skwadra soda u li aħna lesti għal kull logħba.

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom għal dan l-istaġun?

L-aspirazzjonijiet tagħna għal dan l-istaġun huma illi nkunu wieħed mit-timijiet illi jikkompetu għall-promozzjoni kif ukoll nippruvaw nirbħu l-Kampjonat tal-Amateur League 2.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Fil-preżent, nemmen illi kkumparat mas-snin ta’ qabel, il-livell tal-futbol Malti qieghed dejjem jiżdied u jitjieb. Dan jidher ukoll meta nħarsu lejn timijiet tal-Malta Premier illi qegħdin iġibu riżultati pożittivi f’livell Ewropew.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn intom il-plejers titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Bħala riżorsi, għalkemm għandna bosta grawnds, nemmen illi hemm fejn intejbu s-sitwazzjoni preżenti fir-rigward ta’ kwalitá. Barra minn hekk nemmen illi bħala plejers, m’għandniex biżżejjed riżorsi sabiex nagħmlu taħriġ individwali.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbieghed tiegħek fil-futbol?

Il-pjan tiegħi hu illi nimxi ġurnata b’ġurnata u niffoka fuq il-preżent filwaqt illi nibqa’ nagħti l-mija fil-mija tiegħi sabiex dejjem nipprova nilħaq livell iktar għoli.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ tiegħi għal min jixtieq illi jagħmel karriera fil-futbol huwa wieħed sempliċi; iffoka fuq il-preżent u aħdem kull ġurnata sabiex ikollok progress kontinwu. Barra minn hekk nemmen li hu importanti illi dejjem timmira biex tkun l-aħjar f’dak li qiegħed tagħmel u illi tkun dedikat u taħdem b’konsistenza u dixxiplina.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport