Saturday, December 21, 2024

“Iffokaw u tinħlewx fuq battuti personali”

Messaġġ mill-Ispeaker tal-Kamra lill-Membri tal-Parlament fil-bidu ta’ ħidma mimlija abbozzi u emendi importanti…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Parlament Malti bħal-lum ġimgħa reġa’ beda bis-seduti tiegħu. Fuq l-aġenda varjata ta’ interess nazzjonali b’emendi f’liġijiet u abbozzi hemm fost l-oħrajn dwar l-estradizzjoni, is-swieq tal-crypto assi, il-konservazzjoni u amministrazzjoni tas-sajd, emendi fil-Kodiċi Kriminali, il-ħarsien tal-ġurnalisti u nies fil-midja, il-monitoraġġ elettroniku, dwar il-bastimenti merkantili, kif ukoll dwar il-protezzjoni internazzjonali. Qalilna dan proprju l-Ispeaker tal-Kamra Dott. Anġlu Farrugia f’intervista ma’ dan il-ġurnal li f’messaġġ li ried jgħaddi quddiem din il-ħidma kollha fil-Kamra tar-Rappreżentanti qal li, “il-membri għandhom jiffokaw ruħhom fuq l-interess nazzjonali u ma jinħlewx fuq battuti personali fejn ma naslu mkien”.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia, li lbieraħ mar biex jipparteċipa fil-149 Assemblea tal-Inter-Parliamentary Union (IPU), elabora kif l-aġenda tal-Parlament Malti, dejjem u minn żmien għal żmien, tiżdied. Barra l-abbozzi hemm ukoll diversi mozzjonijiet li huma pendenti fosthom anke min-naħa tal-Oppożizzjoni. Dwar il-ħidma meħtieġa mill-partijiet kollha għal Parlament san u effettiv, dan l-Ispeaker insista fl-importanza ta’ kollaborazzjoni minn kulħadd għall-interess tal-pajjiż u tagħna ċ-ċittadini. Kien hawn li huwa semma’ kif fil-bidu tal-Parlament taw il-kondoljanzi tagħhom flimkien tal-eks Membru Parlamentari, Karl Gouder. Fir-rigward Farrugia huwa tal-fehma li, “hawn ħareġ il-messaġġ kemm il-persuna ta’ Karl Gouder kienet persuna li tagħmel xogħolha, tirrispetta l-awtorità u tgħaqqad. Naħseb li għandna nsewgu dan ilkoll kemm aħna”.

Meta wara 45 ġurnata ma tkunx risposta domanda…
Hemm sistema diġà wżata f’pajjiżi tal-Commonwealth

Dwar xogħol l-Ispeaker tal-Parlament qal li fil-ftuħ tal-Parlament kien hemm fuq l-aġenda tliet rulings li ta mitluba fl-aħħar seduta ta’ qabel l-aġġornament tas-sajf. Barra minnhekk aċċenna għal sistema ta’ min jesploraha fejn jidħlu d-domandi parlamentari.

Farrugia spejga kif “f’wieħed mir-rulings li talabni l-Onorevoli Alex Borg dwar risposti ta’ domandi parlamentari, għidt li hemm sistema fejn wieħed jista’ jesplora meta Ministru wara 45 ġurnata ma jirrispondix id-domanda, allura dik id-domanda dak il-membru jista’ jgħaddiha lill-Kumitat Parlamentari li jaqa’ fuqu s-suġġett ta’ dik id-domanda. Ovvjament din hija proċedura li jridu jaqblu fuqha ż-żewġ naħat tal-Kamra biex jesploraw il-possibbiltà li jiġu emendati l-istanding orders ħalli tiġi aġġornata din it-tip ta’ proċedura”.

Speċifika li din hija sistema fejn qiegħda tiġi adottata fil-pajjiżi tal-Commonwealth fosthom il-Kanada u “naħseb li jkun interessanti li nesploraw din il-possibbiltà. Dan għax l-istanding orders jitkellmu biss kif id-domandi għandhom isiru però ma jitkellmux dwar ir-risposti tal-istess domandi minn Ministru jew Segretarju Parlamentari kkonċernat”.

X’hemm fl-aġenda tal-Parlament

Dwar it-temi ta’ leġislazzjoni li huma ppjanati għal din is-sena fil-Parlament, Farrugia infurmana li, “s’issa nafu żgur li għandna diversi abbozzi ta’ liġijiet li qegħdin fl-aġenda. Interessanti huwa wieħed mil-liġijiet abbozzi li ġew mgħoddija f’dawn il-ġranet li huwa dwar l-estradizzjoni. Din hija abbozz li jsiru emendi għall-estradizzjoni wara l-każ ta’ Daniel Joe Meli, il-Malti li huwa mitlub li jiġi estradit biex jiffaċċja akkużi ta’ iħħakjar ta’ apparat fid-Dark Web fl-Amerika. Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi jidher ċar li jekk jinstab ħati l-persuna jkollha d-dritt li s-sentenza ssir f’Malta”.

Bħala dettalji dwar l-abbozz ta’ liġi dwar is-swieq ta’ crypto assi, Farruggia qal li dan “huwa suġġett importanti mtella’ mill-Ministru tal-Finanzi”. Semma’ abbozzi oħra wkoll huma importanti – dak dwar il-konservazzjoni u amministrazzjoni tas-sajd; l-abbozz li jemenda l-Kodiċi Kriminali u dan fir-rigward tal-att li hemm l-Emenda Numru 5 u l-istess ukoll min-naħa tal-Emenda Numru 6 u diversi liġijiet oħra li diġà saru l-ewwel qari.

L-Ispeaker tal-Kamra żied l-abbozz li jemenda l-liġi dwar il-Kumitat għar-Rakkomandazzjoni għal Miżura tal-Ħarsien tal-Ġurnalisti, persuni oħra fir-rwol tal-midja u persuni fil-ħajja pubblika. Għalih, “dan huwa abbozz interessanti ħafna biex ikun hemm dejjem aktar rakkomandazzjonijiet ta’ miżuri biex jipproteġu lil dawn il-persuni”. Abbozz ieħor interessanti huwa li jemenda wkoll diversi liġijiet wara rakkomandazzjonijiet tal-midja u tal-ġurnalisti li huwa suppliment għal dan l-abbozz”.

Rigward l-abbozz ta’ liġi dwar monitoraġġ elettroniku Farrugia spjega li dan huwa speċjalment immirat għal dawk il-persuni li jkunu fuq bail u jkun hemm id-dover impost fuq il-persuna li tilbes apparat elettroniku biex tiġi mmonitorata ħalli jkunu osservati l-kundizzjonijiet tal-bail. Finalment hemm ukoll abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili u ieħor importanti dwar il-protezzjoni internazzjonali.

L-importanza li l-poplu jsegwi l-Parlament

Ma’ Farrugia tkellimna wkoll dwar l-importanza li l-poplu jsegwi dak li jkun qiegħed jiġri fil-Parlament. Hawn l-Ispeaker semma’ l-fatt li, “issa l-Parlament se ngħalqu 10 snin mit-trasmissjoni ħielsa bil-kanal tiegħu fejn il-pubbliku għandu d-dritt isegwi l-ħin kollu dak li jsir kemm fil-Parlament u anke dak li jsir fil-Kumitat tal-Parlament. Jew b’mod dirett jew inkella b’mod ripetut, il-pubbliku jsegwi”.

Qal li l-aktar importanti però, huwa li mhux isegwi biss imma li jkollok l-immedjatezza tad-dokumenti li jiġu ppreżentati fil-Parlament. “Kull dokument impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra fi żmien minuti jkun diġà online. Il-pubbliku llum għandu dan l-aċċess u ladarba għandu l-aċċess għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex isegwi x’qiegħed isir. Hemm differenza kbira fejn qabel kien hemm xandir bir-radju li qajla persuna jkollha interess issegwi”.

Id-doveri tal-Parlament u dawk tal-familja…
Ħinijiet aħjar u childcare centre

L-aħħar suġġett li esplorajna dwar il-Parlament Malti u l-funzjoni tiegħu mal-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia huwa dak tal-ħin tas-seduti meta wieħed jikkonsidra anke l-impenji tal-familja tal-membri tal-Kamra. Min-naħa tiegħu qalilna li, “illum il-ġurnata għall-inqas il-Parlamment jiltaqa’ fl-4.00 ta’ filgħaxija. Immaġina, sa ftit snin ilu qabel ma jien insistejt li nagħmlu tibdil fil-ħin, konna nibdew fis-6.00 ta’ filgħaxija u konna nispiċċaw kważi kulħadd rieqed. Konna nispiċċaw fid-9.30 ta’ billejl. Ovvjament, ideali li jkollna ħin anke qabel l-4.00 p.m. però, għall-inqas, illum għandna dan l-iżvilupp importanti li s-seduta tibda fl-4.00 p.m. u fis-7.00 p.m. jispiċċa x-xogħol mill-Parlament. Ikun hemm biss l-aġġornament sas-7.30 p.m. Dan huwa żvilupp ukoll importanti għall-membri parlamentari li jkollhom it-tfal li huwa għall-inqas perjodu fejn wieħed jista’ jorganizza ruħu”.

Huwa jħoss li mod kif issa jmexxu l-Parlament huwa aktar konformi mal-bżonnnijiet tal-familja u dan kemm bħala ħin kif ukoll għall-fatt li ġew allokati kmamar apposta fejn ibiddlu lit-trabi u faċilitajiet oħra għall-familja. “Però, nispera li fix-xhur li ġejjin ikollna wkoll iċ-child care centre. Il-ħsieb huwa li jkun viċin il-Parlament proprju Belt is-Sebħ. Huwa ppjanat li jkun hemm il-post fejn jinżammu t-tfal”.

Dawn huwa x-xogħol u l-pjanijiet li għandu fl-immedjat il-Parlament Malti. Dan sakemm tersaq il-ġurnata tat-22 ta’ Novembru fejn imbagħad ikollhom il-perjodu li fih jinqara l-Budget 2025 u ssir id-diskussjoni fuqu. Din tieħu ftit tal-ġranet jekk mhux ġimgħat u finalment wara, jingħata l-vot aħħari tal-istess Budget.

Ekonomija

Sport