Friday, November 15, 2024

“Iffriżajt kif rajt ir-ritratt tagħha… nibqa’ niftakarha mill-ħarsa u mit-tbissima” – Luke Attard

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Min jaf kemm għaddejt minn fejn nies waqt li nkun qed nagħmel il-ġirja ta’ kuljum tiegħi. Ħafna drabi in-nies ma jagħtux kas. Lil Paulina qatt ma kont rajtha. Kien ġimagħtejn ilu meta nżertajt waqt li kont qed niġri għaddejt minn ħdejha u tbissmet. Qisha kienet tafni u jien ma nafhiex. Ftit mumenti wara, waqt li qed nirritorna, erġajna ġejna wiċċ imb’wiċċ hi reġgħet tbissmet.  Daħka onesta u ġenwina. It-tbissima baqgħet f’moħħi. Meta smajt bil-qtil il-Ħadd, għall-bidu ħsibt, bħal ma ħasbu ħafna li kien hemm xi diżgwid u sar qtil. Kif rajt ir-ritratt, iffriżajt. Kienet l-istess mara li tbissmitli ġimagħtejn ilu.  Nemmen li minn dan hemm tagħlima u hu b’hekk li qed nitkellem dwar dan. Din id-dinja tkun ħafna u ħafna aħjar, jekk fil-ħażin kollu li naraw, nistgħu faċilment inxerrdu l-imħabba u l-paċi. Dan permezz ta’ sempliċi tbissima, kif għamlet Paulina”.

Dan sostnieh ma’ Talk.mt, Luke Attard. F’kumment li għaddielna dwar id-darbtejn li għadda minn ħdejha ftit biss bogħod minn fejn inqatlet. Luke jgħid li “kien ġimagħtejn meta ilu meta jien kont qed niġri fuq il-front f’Tas-Sliema. Dan ilni nagħmlu għal diversi snin. Dakinhar imma kien hemm mara li kienet qed tagħmel il-jogging u għaddiet minn ħdejja u tbissmet. Jien komplejt niġri. Waqt li kont qed niġri lura, erġajt iltqajt mal-istess persuna u din reġgħet tbissmet. Ħsibt fuq dik it-tbissima u kemm id-dinja tista’ tkun aħjar b’sempliċi tbissima”.

“Iffriżjajt u xxokkjajt ruħi kif rajt ir-ritratt ta’ dik il-mara, li beda jingħad li nqatlet fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.  Ħarist għal darba darbtejn qisni lanqas irrid nemmen.  Fir-ritratt rajt, li dik il-persuna kienet l-istess persuna li tbissmet meta kont qed niġri. Jien lil Paulina Dembska ma nafhiex. Ħasel li għaddejna minn fejn xulxin fil-ġiri. Minkejja dan imma niftakar il-ħarsa tagħha. Nagħrafha minn eluf ta’ uċuħ li nara ta’ kuljum. Nagħmel dan għax hi tbissmet. Dalgħodu ġrejt fuq l-istess promenade, imma ħadd ma tbissem.”

Luke jgħid li “ilni nikkontempla jekk għandhix ngħid dan. Inħoss imma li hu importanti li nfakkar lin-nies, li għalkemm madwar għandna ħafna ħażin, nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex inxerrdu l-paċi u l-imħabba.  Dan nistgħu nagħmluh billi nitbissmu, l-istess kif Paulina għamlet lejja. Jgħidu li tbissima tista’ tivvjaġġa madwar id-dinja. Jien nemmen li tbissima tista’ tibdel id-dinja. Jekk ma tibdilx id-dinja b’mod sħiħ, żgur li tista’ tibdel lil xi ħadd.  Nemmen li dik it-tbissima hi bħal xemgħa li  trid tibqa’ mixgħula. Nemmen li nistgħ  ieħdu xi ħaġa pożittiva minn dik it-tbissima ta’ Paulina”, jiddikjara Luke. 

Ekonomija

Sport