Sunday, December 29, 2024

Iga Swiatek tirbaħ il-French Open għat-tielet darba f’erba’ snin

Aqra wkoll

Iga Swiatek kompliet bid-dominanza riċenti tagħha fuq il-French Open billi ssieltet wara Karolina Muchova biex rebħet it-tielet titlu f’erba’ snin u baqgħet ir-Reġina ta’ Pariġi.

L-aqwa seed kienet il-favorita netta biex għe­l­bet lil Muchova fit-43 post tar-rankings, iżda kellha titħabat ferm biex rebħet 6-2 5-7 6-4.

Il-player Ċeka, Muchova, 26 sena, kissret għal 4-3 fis-set deċiżiv, iżda l-Pollakka Swiatek, 22 sena, spiċċat bil-qawwi biex eventwalment ittrijonfat.

Swiatek, li issa rebħet erba’ Grand Slams, hija l-ewwel mara li ddefendiet it-titlu minn Justine Henin fl-2007.

Is-sena l-oħra t-tobba qalu lil Muchova biex tieqaf mit-tennis minħabba l-injuries li kellha, iżda hija wriet determinazzjoni notevoli biex tissielet lura minn set u 3-0 minn taħt, tant li mhux biss għamlet il-konfront ta’ dik li kienet logħba mxaqilba fuq naħa waħda, iżda mxiet sa żewġ service holds għall-ewwel titlu ewlieni.

Muchova rċeviet ovazzjo­ni tremenda meta marret tirċievi l-premju tagħha mingħand il-leġġendarja Chris Evert, li wassal biex tkun megħluba bl-emoz­zjoni.

Swiatek saret it-tielet player femminili fl-Era Open li rebħet kull waħda mill-ewwel erba’ finali tagħhom tal-Grand Slam, wara Monica Seles u Naomi Osaka.

Barra minn hekk Swia­tek, li għandha 22 sena, hija l-iżgħar player li kisbet erba’ titli singles tan-nisa tal-Grand Slam minn Serena Williams (US Open 1999, Roland Garros 2002, Wimbledon 2002 u US Open 2002).

Din kienet l-ewwel finali ta’ Muchova tal-Grand Slam u setgħet bdiet toħlom li tirbaħ dan it-tournament meta kienet 4-3 fuq quddiem bi break u sservi għal 5-3 fl-aħħar set meta bdiet ir-rimonta ta’ Swia­tek. Iżda mhux hekk kellu jkun.

DJOKOVIC KONTRA RUUD 

FIL-FINALI TAL-LUM

Illum fit-3.00 pm Novak Djokovic, se jiltaqa’ kontra Casper Ruud fil-finali tal-irġiel fejn se jipprova għat-tielet titlu f’Roland Garros u n-Norveġiż għall-ewwel wieħed wara li s-sena l-oħra kien tilef kontra Rafael Nadal.

Fis-semi-finali Ruud ki­seb rebħa mill-aktar komda meta għeleb lill-Ġermaniż, Alexander Zverev, 6-3 6-4 6-0, wara li sena ilu fl-is­tess post dan kellu jinħareġ fuq stretcher wara li weġġa’ l-għaksa fis-semi-finali.

Ekonomija

Sport