Is-sigurtà tal-ikel f’diversi pajjiżi tad-dinja, hija fraġli. Tant li n-Nazzjonijiet Uniti għadha tistinka biex jiġi eradikat il-faqar u tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel, l-iktar f’dawk il-pajjiżi hekk imsejħa foqra. Dan hekk kif huwa stmat li hemm mal-673 miljun ruħ li qed jgħixu bil-ġuħ.
Din il-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti kienet riflessa f’waħda mill-għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli sabiex jintemm il-ġuħ u l-faqar, tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel u jitjieb il-promozzjoni tan-nutriment u l-agrikoltura. Iżda nistaqsu kif ninsabu fl-2025 u għad hawn tant popli madwari id-dinja li għadhom qed ibatu mill-ġuħ? Forsi għaliex il-ġid dinji mhux qed jitqassam b’mod ekwu?
Qed tkun mhedda s-sigurtà tal-ikel? Jista’ jkun li din is-sitwazzjoni ta’ ġuħ fid-dinja hija dovuta għar-rgħiba ta’ pajjiżi aktar sinjuri li fi żmien l-imgħoddi kienu huma stess li sfruttaw lil pajjiżi li llum qed isofru l-ġuħ? Mistoqsijiet bħal dawn jistħoqqilhom tweġiba u soluzzjoni urġenti.
Quddiem dan kollu ma’ nistgħux insemmu dan is-suġġett u ma napprezzawx, il-ħidma li qed issir kemm mill-Gvern u anke mill-bdiewa nfushom, li wara kollox il-biedja hija l-ħobża ta’ kuljum tagħhom.
Il-Gvern konxju tan-nuqqas ta’ xita, tant li kien ħoloq il-famuż proġett tan-New Water, bil-għan li l-bdiewa attivi jsibu dak l-ilma meħtieġ għat-tisqija. Hemm ukoll l-iskema li tħabbret ftit tal-jiem ilu, dwar l-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq art agrikola li qed tiġi mikrija lil terzi.
Din l-għajnuna qed tingħata għaliex kulħadd jemmen illi l-prodott Malti fil-biċċa l-bkira tiegħu huwa prodott superjuri għal dak li jiġi impurtat. Din hija r-raġuni għala għandna bħala poplu nibżgħu għall-biedja u l-art agrikola ta’ pajjiżna.
Propju fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji tal-Ikel u ta’ kull sena konsekuttiva, dan ifakkarna fid-dmir li għandna nevitaw kull ħela ta’ ikel.
Għalhekk inħeġġu għal sforz aktar kollettiv sabiex jitnaqqas l-ikel li jispiċċa fil-boroż tal-iskart organiku għaliex b’hekk, inkunu qed nipproteġu l-ambjent ukoll.
F’kuntest differenti għandna nfaħħru l-inizjattiva li se twassal għat-tielet edizzjoni tal-Festa Ikel Malti li propju saret ilbieraħ. Il-ħsieb wara din l-attività huwa primarjament iċ-ċelebrazzjoni tal-wirt kulinarju għani ta’ pajjiżna.
Ninsabu konvinti li b’inizjattivi bħal dawn, inkunu qed insaħħu dak li hu Malti u jġegħelna napprezzaw ħidmet dawk li jaħdmu qatigħ biex il-poplu Malti u Għawdxi ikollu platt x’jiekol.