Saturday, November 23, 2024

Iħassar ir-referenza għal “imbeċilli” minn kumment dwar it-traġedja ta’ dan il-lejl wara r-reazzjoni tan-nies

Aqra wkoll

“Is-sewqan eċċessiv sar endemiku f’pajjiżna.” Hekk ikkummenta d-Deputat Nazzjonalista David Thake b’referenza għall-inċident traġiku li seħħ kmieni dan il-lejl u li wassal biex sewwieq tal-mutur jitlef ħajtu, u sewwieq ieħor jispiċċa fil-periklu tal-mewt.

Filwaqt li saħaq li ma jafx x’seta’ wassal għall-inċident, Thake tenna li jinħtieġ aktar inforzar fit-toroq tagħna matul il-ġimgħa kollha.

“L-imbeċilli ma jsuqux b’mod eċċessiv biss matul tmiem il-ġimgħa,” saħaq Thake, kumment li huwa ħassar aktar tard.

Intant huwa offra l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-vittma “li seta’ kien fil-post il-ħażin fil-mument ħażin”.

Intant fil-ħin li għadda sar magħruf li s-sewwieq tal-mutur li tilef ħajtu huwa Ian Camilleri, ta’ 39 sena minn Birkirkara.

Intant bosta ħaduha qatta’ bla ħabel kontra d-Deputat Nazzjonalista għall-użu tal-kliem tiegħu b’referenza għall-inċident li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dan il-lejl.

Saħansitra bosta kkummentaw li f’mument delikat sigħat biss wara li seħħet it-traġedja wieħed għandu jqis kliemu, speċjalment f’turija ta’ rispett lill-vittma u lill-qraba tiegħu.

B’reazzjoni għal dan Thake fis ħassar parti mill-kumment tiegħu li kien jgħid li “l-imbeċilli ma jsuqux b’mod eċċessiv biss matul tmiem il-ġimgħa.”

Sport