“Din la kienet l-ewwel sentenza li tat il-qorti u lanqas l-aħħar waħda. Il-gvern Laburista mill-2013 kellu ħafna sentenzi li kienu kontrih jew kontra l-interessi tiegħu. Iżda mhux dejjem indirizzajnihom dawn il-problemi?” Iddikjara dan id-deputat Laburista Edward Zammit Lewis waqt attività politika fiċ-Ċentru Laburista f’Ħal Għaxaq.
Zammit Lewis qal li ma jistax ikun li jkun hemm min jaqta’ qalbu minħabba din is-sentenza meta fl-aħħar snin il-Partit Laburista rebaħ il-verdetti elettorali kollha mill-2013 lil hawn.
Huwa qal li għall-kuntrarju ta’ dak li tagħmel l-Oppożizzjoni, il-gvern se jħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu u mhux se jasal qatt biex jgħajjar lil xi ħadd.
Rigward il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, Zammit Lewis qal li Bernard Grech qisu reġa’ qam wara din is-sentenza u qal li l-Partit Laburista wasal biex jitlaq. “Qalilna kważi jitilqu… Jien lil Bernard ngħidu joqgħod attent għax qabel nitilqu aħna ħa titlaq inti”, tenna Zammit Lewis filwaqt li fakkar kif lill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waslu biex ramewh.