Il-General Workers’ Union fetħet il-bibien tagħha għal ċelebrazzjoni li għaqqdet flimkien ċittadini minn pajjiżi terzi, l-aktar dawk mill-Indja, mill-Pakistan, il-Bangladesh u n-Nepal li bħalissa qed jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna.

L-attività bl-isem ta’ Krishna Janmashtami ċċelebrat it-twelid divin ta’ Lord Krishna. Din kienet it-tieni darba li l-GWU ospitat din l-attività u li l-attendenza għaliha kienet waħda numeruża.

Is-Segretarju għat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel Kevin Abela semma kif fost dawk mistiedna kien hemm il-komunitajiet ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u anke entitajiet lokali li jaħdmu magħhom.

Is-Segretarju Abela qal li l-attività kellha żewġ għanijiet ewlenin. L-ewwel għan kien dak li dawn il-komunitajiet jingħaqdu flimkien u jkollhom post fejn jiċċelebraw dan il-festival flimkien mal-familjari u ħbieb tagħhom.
Għan ieħor kien dak li bħala unjin jisimgħu t-tħassib ta’ dawn il-ħaddiema u jgħinuhom f’dak kollu li jkollhom bżonn.