Minn Cristian Muscat
F’Malta, fejn ħafna subien jagħżlu l-futbol bħala l-ewwel imħabba sportiva tagħhom, Iker Francalanza għażel triq differenti. Illum huwa meqjus bħala wieħed miż-żgħażagħ promettenti tal-hockey Malti, plejer ta’ Qormi Daikin li bħalissa jinsab on loan ma’ White Hart Hockey Club, f’esperjenza li qed tgħinu jikber mhux biss bħala atleta, iżda wkoll bħala persuna.
“Ili mill-2020 nilgħab hockey,” jgħid Iker f’intervista li għamilnilu ftit tal-jiem ilu. “Ħafna subien jagħżlu l-futbol, imma jien ħassejt li l-hockey jiġbidni aktar.” L-ewwel kuntatt tiegħu mal-logħba ġie permezz tal-familja. “Kelli kuġinti tilgħab ma’ Qormi, u meta kelli 11-il sena nżilt magħhom. Minn hemm bqajt tiela’ pass pass.”
Minn età żgħira beda jifhem li l-hockey mhuwiex biss dwar ġiri u tqassim bl-istikka, iżda dwar kontroll, koordinazzjoni u dixxiplina. “L-istikka ssir parti minn ġismek,” jispjega. “Il-kontroll irid ikun totali. Trid li l-istikka litteralment tkun estensjoni tiegħek. Anke tibdilha kull sentejn, u trid terġa’ tibni ‘l hekk imsejħa muscle memory. Il-moviment ta’ ġismek huwa kollox u jekk ma jkunx naturali, ma jirnexxilekx.”
Ma’ Qormi Daikin, Iker sab ambjent kompetittiv u strutturat. Il-klabb huwa wieħed mill-aktar stabbiliti fil-hockey Malti u jipparteċipa b’mod regolari fil-kompetizzjonijiet lokali u Ewropej speċjalment fil-Euro Hockey Challenge. Għalih, li jilbes il-flokk ta’ Qormi kien pass importanti. “Qormi tani bażi soda. Hemm dixxiplina u kultura ta’ rebħ. Minn timijiet taż-żgħażagħ sa dawk tal-kbar, dejjem tħoss li trid tgħolli l-livell tiegħek.”
Hu kien parti mill-iskwadra ta’ taħt it-18-il sena ta’ Qormi li rebħet il-kampjonat, u dan tah l-opportunità jħares ‘il fuq lejn il-livell senior. “Meta tilgħab ma’ plejers akbar minnek, titgħallem ħafna. Il-pass tal-logħba jinbidel, ir-responsabbiltà tikber, u trid tkun mentalment aktar preparat.”
Madankollu, biex jikseb aktar minuti ta’ logħob u jkompli jiżviluppa, Iker aċċetta sfida ġdida: perjodu ta’ self ma’ White Hart Hockey Club. “Ridt li jkolli aktar minuti fil-grawnd,” jgħid b’mod ċar. “Hemm plejers esperjenzati ħafna, hemm min għandu 50 sena u iktar imma qatt ma jaqtgħu qalbhom! Tekniċi forsi m’għadhomx kif kienu darba, imma l-esperjenza u l-idea tal-logħba tagħhom huma ta’ valur kbir għalina ż-żgħażagħ.”
Għalih, White Hart huwa aktar minn tim. “Hawn ħbiberija kbira. Minkejja li r-riżultati mhux dejjem jaslu kif nixtiequ, kulħadd iħeġġeġ lil xulxin. Dejjem naraw kif nistgħu nitjiebu kemm fir-riżultati u fil-logħob tagħna. U fuq kollox, nieħu gost.”
Din il-frażi “nieħu gost” terġa’ tinstema’ diversi drabi waqt il-konverżazzjoni. Għax minkejja l-ambizzjoni, Iker ma jridx jitlef il-ferħ u s-sodisfazzjon tal-logħba. “Jekk ma tiħux gost, ma tantx iddum tilagħbu dan l-isport. Il-pressjoni hemm qiegħda bla dubju, imma trid tgawdi l-proċess.”
Fil-grawnd, Iker qed jaħdem biex isaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala difensur. “Nixtieq nilgħab bħala difensur ċentrali jew mal-linja. Irrid naqra l-logħba aħjar, ninterċetta l-ballun, u nkun aktar intelliġenti fid-deċiżjonijiet tiegħi.” Hu jaf li difensur tajjeb mhux biss jiddefendi, iżda jibni l-logħba mill-ġdid. “Il-pożizzjoni titlob konċentrazzjoni kostanti. Żball wieħed jista’ jiswa ħafna.”
Il-ħidma fuq il-qari tal-logħba hija prijorità għalih. “Mhux biżżejjed tkun veloċi jew b’saħħtek. Trid tifhem fejn se jmur il-ballun qabel ma jasal f’parti partikolari tal-grawnd. Dik hija l-ħaġa li rrid intejjeb l-aktar.”
Il-fatt li beda relattivament tard meta mqabbel ma’ sports oħra ma jinkwetahx. Anzi, jarah bħala motivazzjoni. “Forsi ma bdejtx ta’ sitt snin, imma meta ddeċidejt li nagħmilha, tajt u qed nagħti kollox għall-hockey. Il-progress jiġi bix-xogħol u l-konsistenza.”
Fil-kuntest Malti, il-hockey jibqa’ sport żgħir iżda qed ikompli jikseb popolarita’ speċjalment il-kompetizzjonijiet organizzati mill-Hockey Association Malta. Għal Iker, li jilbes il-flokk nazzjonali hija waħda mill-akbar ħolmiet tiegħu. “Nixtieq nilgħab mat-tim nazzjonali. Dak ikun unur kbir.”
Iżda qabel, għandu mira oħra ċara: “Nixtieq nirbaħ posti ma’ Qormi. Irrid inkun parti mit-tim li jilgħab fl-Ewropa. Dik tkun esperjenza kbira li tilgħab kontra timijiet barranin, tara livell differenti, u tittestja lilek innifsek.”
Huwa jitkellem dwar l-Ewropa b’għajnejh jixegħlu. “Meta tara tim bħal Qormi Daikin jilgħab barra minn Malta, tħoss li trid tkun hemm. Mhux biss biex tipparteċipa, imma biex tħalli marka.”
Il-vjaġġ tiegħu bejn Qormi Daikin u White Hart qed jagħtih perspettiva usa’. F’Qormi hemm kultura ta’ kompetizzjoni intensa; f’White Hart hemm sens qawwi ta’ komunità u appoġġ. It-tnejn huma essenzjali għall-iżvilupp tiegħu. “Minn Qormi nitgħallem il-mentalità ta’ rebħ. Minn White Hart nitgħallem il-valur tal-esperjenza u l-għaqda.”
Meta jitkellem dwar il-futur, Iker jibqa’ realistiku iżda ambizzjuż. “Naħdem biex intejjeb kull ġurnata. Jekk nagħmel pass żgħir ‘il quddiem kuljum, naf li se nasal.”
Għalih, l-istikka mhijiex biss għodda iżda hija simbolu ta’ impenn. “Meta żżommha f’idejk, trid tħoss li hija parti minnek. Il-kontroll, il-moviment, id-deċiżjoni, kollox jgħaddi minn hemm.”
F’pajjiż fejn il-hockey għadu jikber u jfittex aktar attenzjoni, żgħażagħ bħal Iker Francalanza huma prova li l-passjoni teżisti u li l-futur jista’ jkun promettenti. Bejn ħolma Ewropea, ambizzjoni nazzjonali u mħabba pura lejn il-logħba, il-vjaġġ tiegħu għadu fil-bidu iżda d-direzzjoni hija ċara.
U forsi, xi darba mhux ‘il bogħod, l-istess tifel li għażel l-hockey meta kulħadd kien jagħżel il-futbol, ikun qed imexxi d-difiża ta’ Qormi fl-Ewropa jew jilbes il-flokk ta’ Malta b’ċertu kburija.

