Fl-aħħar ħin għadhom kemm ġew ikkanċellati żewġ titjiriet oħra li kienu skedati għal-lum, minn Malta għal Katanja (KM644) u lura (KM645). Dan minħabba moviment limitat impost mill-Ajruport ta’ Katanja kawża tal-aħħar nirien li żviluppaw fl-Ajruport ta’ Katanja nhar il-Ħadd li għadda.
Din il-problema fl-iskeda tat-titjiriet mistennija tibqa’ tippersisti matul il-ġranet li ġejjin. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-kumpanija Air Malta.
Dawk kollha li bbukkjaw il-passaġġ direttament mill-Air Malta u ġew affettwati minn dan it-tibdil fit-titjiriet, jistgħu jitolbu rifużjoni billi jibagħtu e-mail fuq [email protected]. Min-naħa l-oħra, jekk il-booking tal-biljetti sar ma’ xi aġenzija tal-ivvjaġġar, il-passiġġieri jistgħu jikkuntattjaw lill-aġenzija u jitolbuha biex tiksbilhom rifużjoni f’isimhom.
Għal dawk l-individwi li jixtiequ jagħmlu arranġament għal tibdil fid-data jew fit-titjira, jew jixtiequ jibdlu d-destinazzjoni tal-vjaġġ, jistgħu jikkuntattjaw il-Call Centre tal-Air Malta fuq 00356 21662211 (mit-Tnejn u l-Ġimgħa bejn it-8.00 a.m. u t-8:00 p.m. , u s-Sibt u l-Ħadd bejn it-8:00 a.m. u s-6:00 p.m.
Fl-aħħar nett, l-Air Malta għal darb’oħra skużat ruħha mal-klijenti tagħha għal dan l-inkonvenjent.