Sunday, January 11, 2026

Ikkonfermat dak li Joseph Muscat kien bassar dwar il-pensjonijiet 7 snin ilu 

Aqra wkoll

Rapport tekniku dwar tal-pensjonijiet jikkonferma dak li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien bassar fi Frar tas-sena 2019 dwar il-futur tal-istess pensjonijiet.

Ir-rapport ta’ kważi mitejn paġna, li tħejja mill-Pension Strategy Group magħmul minn numru ta’ uffiċjali għolja u esperti tekniċi, jasal għall-konklużjoni li bil-kontribut qawwi tagħhom fil-ħlas tal-bolol, il-ħaddiema barranin f’pajjiżna għandhom irwol ċentrali fis-sostenibbilità tas-sistema tal-pensjonijiet.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat, seba’ snin ilu, fi Frar tas-sena 2019, waqt attività f’Birkirkara, kien tkellem f’dettal dwar ir-rabta bejn il-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema barranin u s-sostenibbilità u ż-żieda fil-pensjonijiet li jirċievu l-anzjani f’pajjiżna. Dr Muscat kien spjega li taħt Gvern Laburista, b’differenza minn qabel is-sena 2013, ħadd ma kien baqa’ jitkellem dwar il-problema tal-pensjonijiet u dwar żieda fl-età tal-irtirar jew fil-ħlas tal-bolla. Bil-kontra bdew jingħataw żidiet fil-pensjonijiet. 

Dak in-nhar il-PN kien qal li kien jinsab iddiżgustat b’dak li kien qal Dr Muscat u akkużah li kien qed jimxi b’arroganza u b’theddid. Fl-aħbarijiet ta’ Net TV kienu saru wkoll sensiela ta’ stejjer maħsubin biex jirredikolaw dak li kien qal l-eks Prim Ministru.

Meta fis-sajf li għadda waqt il-kampanja għall-ħatra ta’ Kap tal-PN, waqt programm fuq ir-radju, Adrian Delia kien qal li mill-ħaddiema barranin pajjiżna qiegħed biss jitlef il-flus. ‘X’taxxi qed iħallsu l-ħaddiema barranin?’ kien staqsa b’mod mill-iktar populist l-eks Kap Nazzjonalista waqt li kien żied ‘Jitmejlu bina u jgħidulna li dawn qed iħallsu għall-pensjonijiet tagħna’.

Ftit tal-ġimgħat wara iżda fil-Parlament kien ingħata tagħrif dwar kemm ħallsu f’bolol il-ħaddiema barranin f’Malta fuq medda ta’ għaxar snin. Minn dan it-tagħrif kien irriżulta li, bil-kontra ta’ dak li kien qal Delia, bejn is-sena 2014 u s-sena 2024 il-ħaddiema barranin ħallsu total ta’ €2 biljun f’bolol.

Id-dikjarazzjonijiet populisti tal-eks Kap tal-PN komplew jinġiebu fix-xejn mir-rapport Strategic Review on the Adequacy, Sustainability, and Solidarity of Malta’s Pension System li kien ippreżentat fil-jiem li għaddew. Bil-kontra ta’ dak li qal Delia, dan ir-rapport imħejji minn grupp ta’ esperti, jikkonferma s-sehem qawwi tal-ħaddiema barranin fis-sostenibilità tal-pensjonijiet. 

Minn dan ir-rapport, jirriżulta li fl-2023 kien hemm 166,000 ċittadini Maltin u 116,000 ħaddiema barranin li kienu qed iħallsu l-bolla. Ir-rapport jirrimarka li f’sitwazzjoni fejn in-numru ta’ trabi mwielda kull sena f’Malta huwa wieħed baxx waqt li qed jiżdiedu l-Maltin li qed jgħixu iktar fit-tul, il-pajjiż qed iserraħ ħafna fuq il-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema barranin f’dak li hu ħlas ta’ bolla għall-futur tal-pensjonijiet. 

L-istess rapport jgħid li nofs il-ħaddiema barranin iħallu Malta wara sentejn u għalhekk ma jikkwalifikawx biex jitħallsu pensjoni. Dan fl-istess waqt li l-maġġoranza assoluta tal-ħaddiema barranin li jdumu iktar minn sentejn f’pajjizna, ma jkollhomx għaxar snin kontribuzzjonijiet biex ikunu jistgħu jirċievu pensjoni.

Waqt li qabel is-sena 2013 fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti żdiedet ir-rata tal-bolla u għoliet l-età tal-irtirar, fl-aħħar 13-il sena taħt Gvernijiet Laburisti l-pensjonijiet żdiedu b’aktar minn €80 fil-ġimgħa. Min llum huwa fuq il-pensjoni minima qed jirċievi pensjoni daqs kemm kien jirċievi xi ħadd fuq il-pensjoni massima fis-sena 2013. L-ewwel żieda fil-pensjonijiet ingħatat fis-sena 2016 u dawn baqgħu jiżdiedu sena wara sena f’kull budget li kien ippreżentat. 

Il-progress miksub fl-aħħar snin jidher ukoll fiċ-ċifri uffiċjali, tant li l-pensjoni minima telgħet minn €115 fil-ġimgħa fl-2013 għal aktar minn €212 fl-2026, filwaqt li l-pensjoni massima issa laħqet kważi t-€327 fil-ġimgħa. Dan juri li l-pensjoni tal-lum hi ogħla mill-aktar pensjoni għolja li kellna 13-il sena ilu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport