Wednesday, November 27, 2024

Ikkonfermat l-għeluq tal-impjant tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

€70 miljun biex l-impjant imur f’Ħas-Saptan

“Dan huwa jum storiku. Jum storiku għar-residenti ta’ Birżebbuġa. Jum li kien ilhom tant jistennew li matulu qed nikkonfermaw l-għeluq tal-ħażna tal-fjuwil, magħruf bħala l-impjant tal-31 ta’ Marzu.”

Stqarret dan il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli f’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbret investiment ta’ €70 miljun biex issir it-tranżizzjoni tal-ħażna tal-fjuwil mill-qalba ta’ Birżebbuġa għal Ħas-Saptan. Dan il-proġett se jkun inawgurat b’mod uffiċjali fix-xhur li ġejjin. 

“Qed inwettqu wegħda elettorali oħra għall-ġid tal-komunitajiet tagħna fejn qegħdin inwettqu affarijiet b’mod konkret biex il-kwalità tal-ħajja tan-nies intejbuha,” qalet il-Ministru Dalli. Hija spjegat illi x-xogħol f’Ħas-Saptan miexi b’ritmu tajjeb u jrid ikun żgurat li din it-tranżizzjoni ssir bl-aktar mod tajjeb. 

Qalet li b’dan il-mod, issa nistgħu nkunu f’pożizzjoni li nibdew il-proċess ta’ tindif u t-tneħħija tat-tankijiet. “Fil-fatt hemm perjodu definit ta’ cold stand-by, ftit xhur li matulhom dan il-post se jinżamm għal dak li jista’ jinqala’, għax irridu naċċertaw ruħna li l-impjant il-ġdid jaħdem kif suppost.”

“Dan se jkun qed isir biex inkunu nistgħu niżguraw is-sigurtà tal-provvista l-pajjiż. Il-pian huwa li fil-bidu tas-sena d-dieħla t-tankijiet jitbattlu għalkollox u mbagħad ikun jista’ jingħata bidu għad-dekumissjonar u ż-żarmar tat-tankijiet kollha.”

Il-Ministru Dalli żiedet tgħid: “illum qed ngħixu realtà differenti. Aktar minn 100 sena ilu dan is-sit kien ġie identifikat għall-ħażna tal-fjuwil. Mal-medda taż-żmien bdew jerqsu aktar residenti lejn Birżebbuġa li bdew iħarsu lejh bħala l-post fejn jgħixu u jrabbu l-familja tagħhom.”

Fissret kif bl-għeluq tal-impjant tal-31 ta’ Marzu, se jonqsu xejn inqas minn 44 vjaġġ ta’ trakk tal-fjuwil kuljum. Ifisser ukoll li minn Birżebbuġa se jiġu ffrankati mal-4.5 tunellati ta’ emissjonijiet CO2 fis-sena u inqas pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ Birżebbuġa inqas storbju.

“Fuq kollox se nkunu qed inneħħu l-periklu mill-viċinanzi tar-residenti. Se jispiċċaw l-irwejjaħ tal-fjuwil li joħorġu kull darba li jimtela tank tal-ħażna għax l-investiment li għamilna huwa fir-residenti. Lokalità ta’ Birżebbuġa li qed ngħinu biex terġa’ tisbiħ. Dan il-proġett huwa parti mill-impenn tal-Gvern biex nirriġeneraw in-naħa ta’ isfel ta’ Malta.”

“Illum ħareġ l-aħħar trakk u l-bowsers li jqassmu l-fjuwil fil-pompoi tal-petrol u mhux se jibqgħu jimtlew minn hawn għax għandna l-proġett ieħor li qed naħdmu fuqu ta’ Ħas-Saptan,” temmet tgħid il-Ministru Dalli li ħabbret ukoll li l-ġimgħa d-dieħla se jidħol l-aħħar tanker tal-petrol biex jimla r-riserva ta’ emerġenza.

Sport