Sunday, December 22, 2024

Ikkonfermata d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-iskedar tal-eks residenza ta’ Monsarrat f’Għawdex

Aqra wkoll

L-eks residenza Għawdxija tar-rumanzier rinomat Ingliż Nicholas Monsarrat ser tibqa’ skedata bħala bini ta’ Grad 2 wara li t-Tribunal ta’ Reviżjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) ċaħad l-appell ippreżentat minn terzi biex jitneħħa l-istatus ta’ protezzjoni tiegħu. Minflok l-EPRT ikkonferma d-deċiżjoni oriġinali tal-Awtorità rigward l-iskedar.

Il-proprjetà f’San Lawrenz, Għawdex, tikkonsisti minn żewġ residenzi vernakulari simili, kull waħda mibnija b’parapett fuq quddiem. Għalkemm il-binja ta’ żewġ sulari sarulha xi xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni, il-materjal tal-bini taż-żewġ strutturi baqa’ intatt. Il-proprjetà tgawdi ġnien estensiv u matur fuq wara, u ġibjuni tal-ilma taħt l-art. L-imsemmija proprjetà għandha karatteristiċi arkitettoniċi vernakulari Maltin, b’bitħa interna, terrazzin, taraġ tal-ġebel u s-sistema tradizzjonali Maltija tas-soqfa magħmula minn xorok tal-ġebel, travi tal-injam, u arkati.

Minbarra l-merti arkitettoniċi tal-proprjetà, fl-aħħar tas-snin sittin kienet ukoll ir-residenza tar-rumanzier famuż Nicholas Monsarrat, li huwa magħruf l-aktar għall-kotba tiegħu The Cruel Sea u The Story of Esther Costello. Fl-1973, f’din il-proprjetà, Monsarrat kiteb il-ktieb The Kappillan of Malta li huwa magħruf ħafna għalih f’Malta.

Bħala difiża tal-iskedar, l-Awtorità tal-Ippjanar ippreżentat id- dokumentazzjoni kollha rilevanti u kontinwament żammet il-pożizzjoni tagħha biex din il-proprjetà żżomm l-skedar fi Grad 2. Huwa għall-merti arkitettoniċi u s-sinifikat storiku tal-proprjetà, enfasizzati hawn fuq, li l-Awtorità tal-Ippjanar b’kollaborazzjoni mill-qrib mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali skedaw din il-proprjetà fl-2020.

Biex tara r-reġistru tal-iskedar tal-Awtorità żur www.pa.org.mt

Ekonomija

Sport