Martin Farrugia ta’ 47 sena kellu s-sentenza ta’ multa ta’ €20,000 ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell wara li kien instab ħati li ma rreġistrax il-frieħ ta’ annimali perikolużi mad-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji.
Farrugia kien instab ħati li ma rreġistrax 3 iljuni, 6 pumas u 2 leopardi. Hu kien appella minn din is-sentenza u qal li fl-ebda punt ma qal li ma riedx jimxi mal-liġi anzi sostna li kien għamel minn kollox biex jobdi l-liġi iżda ma kienx f’pożizzjoni finanzjara li jagħmel dan. Fl-appell tiegħu Farrugia qal li kien għamel ftehim u kine qed iħallas €500 fix-xahar.
L-Imħallef Neville Camilleri sema’ kif kienet saret spezzjoni mill-uffiċċju tas-Servizzi Veterinarji f’sit fis-Siġġiewi u fir-Rabat.
Rappreżentant tad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja xehed li Farrugia kien applika biex iżomm annimali eżotiċi fis-Siġġiewi u l-Buskett u kellu 3 pumas, żewġ leopardi u 6 iljuni.
Meta imbgħad fl-2017 kien sar ċensiment instabu żewġ leopardi oħra li ma kinux reġistrati u waqt spezzjoni fl-2019 instabu 3 iljuni, 6 pumas u żewġ leopardi li ma kinux reġistrati.
Xehed li meta dawn ikollhom il-frieħ iridu jiġu reġistrati fi żmien 4 ġimgħat flimkien ma’ ħlas ta €1,000 għal kull ferħ, imma Farrugia ma rreġistrax 11-il ferħ.
Il-Qorti tal-Appell qalet li Farrugia naqas milli jinforma lill-awtoritajiet dwar il-wild tal-annimali. Tqjjem dubju dwar dan sarx bl-iskop li tiġi frankata l-miżata amministrattiva dovuta għal tali reġistrazzjoni.
Il-Qorti tal-Appell wara li għarblet ix-xhieda kollha, qalet li l-ewwel sentenza imposta fuqu kienet ġustifikata u waqt li ċaħdet l-appell ikkonfermat is-sentenza.