Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ ħames snin priġunerija għal raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, li insab ħati li abbuża sesswalment minn bint is-sieħba, li dak iż-żmien kellha inqas minn 16-il sena.
Fil-Qorti ingħad li l-każ seħħ f’Ġunju tal-2021. Fil-Qorti, il-vittma kienet xehdet u qalet li l-akkużat abbuża minnha meta ommha kienet qed twelled tarbija minn tal-akkużat innifsu.
Il-vittma kienet spjegat li r-raġel kien jersaq lejha u jmissha b’mod indiċenti, kemm f’garazz u kif ukoll fuq dgħajsa, fejn hemmhekk saħansitra kien ikkellimha b’mod sesswali.
Intant kien l-akkużat innifsu li ressaq appell, fejn ilmenta dwar il-piena, bir-raġuni li skontu din ma għandhiex isservi biex titpatta l-ħsara li tkun ġarrbet il-minuri.
L-appell ġie miċħud mill-Imħallef Neville Camilleri, bl-imħallef jisħaq li l-akkużat abbuża minn tifla vulnerabbli, kemm minħabba li din kienet għadha żgħira, kif ukoll għax minħabba li kienet tgħix f’dar mal-akkużat, li mhuwiex missierha.