Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Dr Consuelo Scerri Herrera, f’sentenza ta’ 49 paġna, ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Justin Haber.
Haber kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati li bejn is-snin 2020 u 2022, ġewwa Marsaxlokk u f’dawn il-gżejjer, issoġġetta minuri ta’ 15-il sena għal xi att jew imġiba li jkollhom konnotazzjonijiet sesswali, inklużi kliem bil-fomm, mossi u jew għemil.
Huwa kien ikkundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u mmultat €7,000. Madanakollu huwa kien appella mis-sentenza fejn argumenta fost oħrajn li l-piena kienet waħda eċċessiva.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell qalet li l-fatt li bil-piena ddikjarata mill-Ewwel Qorti l-imputat se jiffaċċja sentenza ta’ priġunerija sospiża kif ukoll multa “ma jfissirx illi awtomatikament dik il-piena hija waħda eċċessiva. Jitfakkar li l-akkużat instab ħati li ssoġġetta lil minuri ta’ taħt il-15-il sena atti u imġiba li kellhom konnotazzjonijiet sesswali, liema atti u imġiba ma kienux mixtieqa mill-vittma.”
Il-Qorti tkompli tgħid fis-sentenza tagħha li dawn l-atti saru mill-imgħallem tax-xogħol fil-konfront ta’ impjegata tiegħu fi stabbiliment kummerċjali tiegħu li “jrendi l-akkadut wieħed agħar”.
“Il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) kellha l-opportunità li tara u tanalizza ċ-ċirkostanzi ta’ dal-każ minn fejn joħroġ li l-appellant żbalja u żbalja bil-kbir anke tenut kont li l-aġir tiegħu sejjer iħalli impatt fuq il-vittma li bl-ebda mod u manjiera qatt ma stidnet dak l-aġir mingħand l-appellant,” kitbet l-Imħallef Scerri Herrera fis-sentenza tagħha.
Ikkonkludiet li s-sentenza magħotija mill-Ewwel Qorti taqa’ fil-parametri tal-liġi u ma hemm l-ebda raġuni għaliex għandha “tiddipartixxi mill-ġudizzju tal-Ewwel Qorti…” u għalhekk ċaħdet l-appell li sar minn Justin Haber u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti.




