Saturday, September 14, 2024

Ikkonfermata sentenza ta’ raġel li uża kliem ta’ mibegħda kontra persuni LGBTI+

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet it-talba biex tiġi revokata l-piena mogħtija lil raġel f’Awwissu li għadda uża kliem ta’ mibegħda fuq il-midja soċjali lejn persuni LGBTI+.

Michael Leonard Paul Hammond, raġel ta’ 22 sena, fi Frar li għadda nstab ħati li nhar id-29 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra għamel użu ħażin mill-midja soċjali hekk kif qasam kitba bi kliem ta’ theddid u insult lejn persuni LGBTI+ biex tinħoloq mibegħda u vjolenza lejn din il-komunità.

Fis-7 ta’ Frar li għadda, il-Qorti tal-Maġistrati sabitu ħati ta’ dawn l-akkużi u kkundannatu għal sitt xhur priġunerija sospiżi għal tliet snin kif ukoll multa ta’ €3,000. Huwa mbagħad appella mis-sentenza li ngħatatlu.

Fl-appell tiegħu, huwa argumenta li fiż-żmien fejn kien allegat li wettaq dan l-aġir, huwa ma kienx qed jagħmel użu mill-kont tal-Facebook tiegħu, u li l-kitba li jinsab akkużat dwarha ma ngħatatx data speċifika.

Il-Qorti tal-Appell għamlet ir-riċerka meħtieġa u rriżulta li rapport li kien sar minn Eman Borg f’isem l-orgranizzazzjoni LGBTI+ Gozo, kien jikkorrispondi għall-istess data li fiha kien ittella’ dan il-kumment: “Should bomb u all u freaks”. Borg kien għamel ir-rapport fid-29 ta’ Awwissu 2022 wara li l-imputat kien ikkummenta ftit tal-minuti wara li ttella’ avviż dwar il-Gozo Pride mill-istess orgranizzazzjoni.

Hammond, waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti sostna li l-kont tiegħu ta’ Facebook kien iħħekjat u li kien ilu ma jaċċessah. Minħabba nuqqas ta’ evidenza, il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ma setgħetx toqgħod fuq ix-xhieda tiegħu u kkonfermat li l-ġudizzju tal-ewwel qorti kien korrett: dak li Hammond huwa ħati u kkonfermat is-sentenza li ngħatatlu fi Frar li għadda.

Ekonomija

Sport