Sunday, November 24, 2024

Ikkonfermati 10 xhur ħabs għal raġel li ta n-nar iċ-ċella tiegħu

Aqra wkoll

Raġel ta’ 31 sena li kien ta n-nar iċ-ċella tiegħu se jkollu jiskonta piena ta’ 10 xhur ħabs wara li kellu s-sentenza kkonfermata fl-appell.

Walid Ben Muftah kien tressaq il-Qorti mixli li nhar it-22 ta’ Frar 2021, għall-ħabta tal-5.20 p.m., għamel ħsara volontarja fiċ-ċella f’diviżjoni 13 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Huwa kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u kien ikkundannat l-imsemmija piena, u sussegwentement appella mis-sentenza. Huwa lmenta fost oħrajn li diġà ħallas għall-aġir tiegħu billi tilef għaxart ijiem remission u billi tpoġġa tliet xhur u nofs reklużjoni.

L-Imħallef Neville Camilleri, li sema’ l-appell, beda biex innota li l-fatt li tilef ir-remission jista’ jitqies bħala terminu ta’ dixxiplina minflok piena kriminali. Fl-istess ħin, innota wkoll li Ben Muftah kien kważi ħallas il-ħsara kollha li kkawża.
L-appellant jilmenta wkoll li huwa għamel dak li għamel minħabba li ried jagħmel suwiċidju u li kieku dakinhar tal-inċident ingħata aċċess għal avukat huwa kien ikun f’pożizzjoni li jinforma lill-pulizija bir-raġunijiet tal-azzjoni tiegħu.

B’rabta mal-kwistjoni tal-ħsara, kif l-istess jgħid appellant, din hi kwistjoni ta’ natura ċivili u għaldaqstant ma kienx hemm lok li din il-Qorti tagħmel aktar konsiderazzjoni dwarha.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti rat ukoll l-ammissjoni tiegħu, u qalet li ma taqbilx ma’ dak li qal l-appellant meta sostna li kieku ngħata aċċess għal avukat huwa kien jagħti stqarrija differenti.

Hawn, l-Imħallef Camilleri nnota li l-appellant kien ammetta quddiem l-Ewwel Qorti meta kien assistit minn avukat u wara li kien infurmat bil-konsegwenzi tal-ammissjoni tiegħu u ngħata żmien biex jikkonsulta mal-avukat difensur tiegħu.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Camilleri ċaħad l-appell imressaq minn Walid Ben Muftah u kkonferma s-sentenza appellata fl-intier tagħha.

Sport