Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ erba’ snin ħabs li kien weħel raġel wara li nstab ħati li ta fastidju u kkorrompa tifla ta’ disa’ snin.
Il-każ kien seħħ f’April tal-2020 u fix-xhur u s-snin ta’ qabel. Huwa kien instab ħati f’Jannar li għadda iżda appella mis-sentenza.
Fil-Qorti nstema’ kif il-vittma kienet saret ħabiba tat-tifla tal-akkużat fejn irriżulta li l-familji tagħhom kienu jiltaqgħu ta’ sikwit fejn saħansitra kienu jsiru sleep-overs fid-dar matrimonjali tal-akkużat u l-eks mara tiegħu.
Waqt wieħed minn dawn l-isleep-overs, meta l-vittma kellha madwar disa’ snin, kien imissha torqod fl-istess kamra mal-akkużat. L-istess vittma tirrakkonta li tul dan il-lejl sabet lill-akkużat “b’rasu fuq sidirha u b’idu fil-qalziet ta’ taħt tagħha.” L-għada, il-vittma kienet ikkonfrontatu iżda huwa kien ippropona li ma jgħidu xejn b’dak li ġara.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li kienet nibtet relazzjoni intima bejn l-akkużat u omm il-vittma. Matul din ir-relazzjoni, l-akkużat kien jiffrekwenta r-residenza tal-vittma. Intqal li minn dak iż-żmien sa madwar April 2020, l-akkużat allegatament kien iġib ruħu b’mod mhux propizju fil-konfront tal-vittma. Jirriżulta li l-vittma kienet tkellmet fuq dak li kien qed jiġrilha mal-guidance teacher fejn għamlet referral lill-Pulizija.
Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, osservat li l-vittma żammet verżjoni konsistenti tul iż-żmien u f’kull stadju tal-proċeduri. Intqal li l-kontenut tar-rapporti u x-xhieda rilevanti ma jikkontradixxux din il-verżjoni, iżda pjuttost jikkonfermaw kemm il-verżjoni li tat il-vittma kif ukoll il-karattru u l-imġiba tagħha bħala tifla kwieta u ġenwina.
Il-Qorti osservat ukoll illi l-istqarrija rilaxxata mill-akkużat turi li huwa kien konxju tal-aġir fiżiku u tal-kummenti li kien jagħmel fil-konfront tal-vittma u l-fatt li kompla bl-istess aġir – anke meta hi esprimiet li kienet qiegħda tħossha skomda – jindika b’mod ċar li l-akkużat kien konxju tal-effetti negattivi li kien qed jagħmel lill-vittma mill-aġir tiegħu.
Il-Qorti qalet ukoll li l-piena mogħtija mill-ewwel Qorti kienet taqa’ fil-parametri tal-liġi u li ma hemm xejn fiha li huwa “wrong in principle” jew “manifestly excessive”.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li ċaħdet l-appell tal-akkużat u kkonfermat is-sentenza appellata fl-intier tagħha. Minbarra l-piena ta’ erba’ snin priġunerija, l-akkużat tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ erba’ snin.
Il-Qorti mponiet ukoll fuq l-imputat ordni ta’ trażżin filwaqt li ordnat li ismu jitpoġġa fir-reġistru ta’ dawk li jkunu abbużaw minn minorenni.

