Friday, November 22, 2024

Ikkonfermati tliet snin ħabs għal raġel li stupra tifla ta’ 12-il sena fid-dar tiegħu

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkonfermat sentenza ta’ tliet snin priġunerija mogħtija lil żagħżugħ li nstab ħati li sitt snin ilu stupra tifla ta’ 12-il sena fl-appartament tiegħu fil-Marsa.

Iż-żagħżugħ, li għandu 29 sena u huwa ta’ nazzjonalità Sirjana, kien mixli li f’Settembru tal-2017 ipparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt l-età u li wettaq attentat vjolenti għall-pudur tagħha fost oħrajn.

F’Diċembru tal-2021, huwa kien instab ħati u kien ikkundannat tliet snin ħabs però appella mis-sentenza. Mill-provi rriżulta li t-tifla, li llum għandha 18-il sena, kienet waslet fid-dar tal-akkużat wara li wassalha l-kuġin tiegħu minn Paceville.

Tgħid li qabel kienu tawha vodka qawwi u xi ħadd tefagħha fuq is-sodda fejn l-akkużat kellu x’jaqsam magħha. It-tifla qalet li dan ġara darbtejn jew tliet darbiet f’ġurnata. Qalet ukol lli għalkemm għall-ewwel bdiet timbuttah, ma ddejqitx għax kienet tiffansjah.

Hija sostniet li dakinhar ma felħitx titlaq mill-appartament u għalhekk telqet l-għada. Fl-istess ħin ċaħdet li reġgħet kellha x’taqsam miegħu jew li kellha x’taqsam ma’ Sirjani oħra.

Wara li sema’ l-provi, l-Imħallef Camilleri għamilha ċar li ma kellux dubju dwar dak li kienet xehdet il-vittma u li ma kienx b’kumbinazzjoni li hija ngħatat xarba alkoħolika qawwija ħafna u li ttieħdet fil-post tal-akkużat.

Kompla jgħid li jibqa’ fatt mhux innegat, li t-tifla kellha 12-il sena u li l-liġi trid tħares lil dawn il-persuni minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom, aktar u aktar meta dawn jispiċċaw f’ċertu djar minħabba xi diffikultajiet li jista’ jkun hemm fl-isfond familjari tagħhom.

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Camilleri ċaħad l-appell tal-akkużat u kkonferma s-sentenza ta’ tliet snin ħabs.

Sport