Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri ddikjara li dawn l-aħħar erba’ snin ma kinux biss snin ta’ ħidma – imma kienu snin ta’ trasformazzjoni radikali. Huwa qal li meta wieħed iħares lura, jara li l-ħidma tal-GWU ma waqfitx imma sar dak kollu possibbli “bil-limitazzjonijiet tagħna li ma nħallu xejn warajna.”
“Morna mill-bażi ’l fuq u kkonvertejna l-viżjoni tagħna f’realtà konkreta, mibnija fuq sisien solidi. Dawn mhumiex bini u spazji komuni biss – imma dan huwa l-manifest fiżiku tal-futur li qed nibnu għalikom u għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qal Camilleri.
Huwa tkellem dwar l-investiment li sar fil-Workers’ Memorial Building, il-Belt Valletta, fosthom illi l-“Hall” fl-ewwel sular illum hija sala moderna ta’ livell internazzjonali u bl-aħħar teknoloġija awdjo-viżiva.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU semma wkoll ir-rinovazzjoni tas-soqfa, fejn sar investiment massiċċ ta’ 980 metru kwadru biex tinżamm u tissaħħaħ l-istruttura storika ta’ din il-binja.
Dwar l-investiment fl-edukazzjoni, Camilleri spjega li disa’ klassijiet ġew rinovati waqt li nnota li l-MTRM qed tikseb ħajja ġdida u llum qed timmaniġġja s-Sistema tal-Youth Guarantee u qed tinfiltra fis-settur privat.
L-iskola tal-Lingwa UNILANG għaddejja b’xogħol intensiv u metikoluż fl-applikazzjoni għal-liċenzja u dalwaqt se terġa’ tiftaħ il-bibieb għall-istudenti adulti.
Dwar l-uffiċini tal-assigurazzjoni, Camilleri ħabbar li ftit tal-ġimgħat oħra, se jinbeda proġett kbir ta’ rinnovazzjoni “fil-premises tal-insurance tagħna. Dan mhux qed isir biss biex estetikament inkunu għamilna qabż oħra, imma huwa simbolu tal-impenn tagħna li noffru u ntejbu l-pakketti ta’ kura u assigurazzjoni għall-membri tagħna biex ikollhom fost l-aktar poloz tajba u ta’ valur għal flushom.”
Huwa semma wkoll kif ir-reception area, il-kontro intrata u s-salta tal-uffiċċju tal-GWU f’Għawdex qed jiġu rinovati u mgħammra b’sistemi moderni ta’ internet u teknoloġija moderna.
Sadanittant, fil-Workers’ Memorial Building inħoloq spazju dedikat u fost l-aktar innovattiv għaż-Żgħażagħ. L-akbar investiment li qatt sar ġewwa l-union. Post fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiltaqgħu, jaħdmu fuq proġetti u jiskopru l-valuri u tagħlim innovattiv.
Barra minn hekk, il-Fondazzjoni Reggie Millier, taħt it-tmexxija sħiħa ta’ Lewis Spiteri, reġgħet bdiet tiffunzjona bħala ċentru ta’ għerf. Dan filwaqt li l-website tal-GWU issa hi kompletament operattiva u moderna.
Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna jgħid li dan l-investiment massiċċ sar b’viżjoni, bi pjan u bil-ħidma ta’ tim li jemmen f’din il-missjoni. Huwa investiment fl-istabbiltà u fil-futur tal-unjin.
Camilleri rringrazzja lill-impjegati kollha tal-GWU tal-ħidma tagħhom kif ukoll lis-Segretarji, lill-Assistenti Segretarji u lill-uffiċjali kollha, li ta’ kuljum jaħdmu bla heda biex jiddefendu l-interessi tal-membri.
“Din hi l-unjin li dejjem tiġġedded. Din hi l-unjin li tħares il-futur tagħkom il-ħaddiema. Din hi l-unjin li se nnaqqxu… flimkien. Din hi l-GWU. Għax fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa. Grazzi u l-ħidma tkompli,” temm jgħid id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU.

