Hemm klassi li se tkun qed tbaqbaq bl-attività f’Ottubru – għax beħsiebha ċċaqlaq lil Malta bir-ritmi tar-rock permezz tal-musical ta’ suċċess kbir School of Rock – The Musical, f’weekend ta’ wirjiet elettrifikanti f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta.
Imsejjes fuq il-film tal-Paramount miktub minn Mike White, u b’Jack Black bħala attur ewlieni, l-addattament mużikali ta’ School of Rock – li ġie nnominat għat-Tony Awards – għandu mużika ta’ Andrew Lloyd Webber, kitba ta’ Julian Fellowes, u lirika ta’ Glenn Slater.
Bħall-film, il-musical isegwi l-passi ta’ Dewey Finn, li jixtieq ikun stilla tar-rock, hekk kif minn hawn jew minn hemm jirnexxilu jidħol jgħallem fi skola preparatorja prestiġjuża. Hemm ġew Dewey ipartat il-kotba tal-iskola mal-kitarri elettriċi, u jispira lill-istudenti tiegħu sabiex jiffurmaw grupp rock u jikkompetu fil-Battle of the Bands. Fl-istess ħin jiskopri li dawn l-istudenti għandhom daqstant ieħor x’jgħallmu lilu dwar il-ħbiberija, il-kuraġġ u li dejjem tibqa’ leali lejk innifsek.
Il-produzzjoni ta’ Revamp MT tlaqqa’ flimkien kast eċċellenti mmexxi minn James Ryder bħala l-indomitabbli Dewey Finn, flimkien ma’ Natassja Chapman bħala l-kap tal-iskola Rosalie Mullins, Alessio Buhagiar bħala Ned Schneebly, Bertha Farrugia bħala Patty Di Marco u Rachel Grech bħala Ms Sheinkopf.
U, fl-istil tipiku ta’ School of Rock, il-klassi tieħu l-ħajja b’ensemble ta’ artisti żgħażagħ b’talent kbir – fosthom Leah Grech u Michela Caruana, li jaqsmu l-irwol ta’ Summer Hathaway – kollha jdoqqu l-istrumenti tagħhom stess live fuq il-palk. Għaldaqstant mistennija joħolqu atmosfera ta’ kunċert rock u mumenti indimentikabbli li se jogħġbu ferm kemm liż-żgħar fl-età kif ukoll liż-żgħar fl-ispirtu.
It-tim kreattiv ta’ dan l-ispettaklu qed jibni fuq ir-reputazzjoni ta’ Revamp MT li jafu jwasslu f’Malta esperjenzi teatrali distinti, wara s-suċċess ta’ produzzjonijiet oħra li tellgħu bħal The Band’s Visit fl-2023. Dorothy Bezzina, veterana tat-teatru mużikali, tidderieġi l-ispettaklu, spalla ma’ spalla mad-direttur mużikali Edward Mifsud, il-maniġer tal-produzzjoni Karl Borg u l-koreografa Samaria Bezzina. Sergio Costa u Mohamed Ali ‘Dali’ Aguerbi jgħaqqdu t-tim bid-disinn tas-sound u d-dwal dinamiku għall-aħħar.
B’partitura li tqanqlek, umoriżmu li jifqgħek bid-daħq, u messaġġ li jmiss il-qalb – biex ma nsemmux il-kast eċċezzjonali ta’ artisti performattivi żgħar u kbar idoqqu live – School of Rock joffri lejla ta’ divertiment imfassla apposta għall-familji, li tħallat it-teatru mużikali mal-buzz ta’ gig ta’ mużika rock imtellgħa live. Żgur li mhux ta’ min wieħed jitlifha!
“School of Rock huwa spettaklu ta’ ferħ ġenwin. Ċelebrazzjoni tal-mużika, tal-ħbiberija u ta’ meta tiskopri leħnek – u jżommok sa mill-ewwel nota,” qalet Dorothy Bezzina. “Inħossni grata ferm li qed naħdem ma’ kast daqstant divers u mogħni bit-talent, kemm tfal u kemm adulti, li lkoll imlew il-kamra bl-armoniji sbieħ tagħhom sa mill-bidu nett tal-provi. Din il-produzzjoni qed tagħtina ċ-ċans li niggwidaw lill-artisti ż-żgħar u ngħinuhom irabbu l-kunfidenza, mhux biss bħala artisti “triple threat” li jeċċellaw fir-reċtar, il-kant u ż-żfin, iżda wkoll bħala atturi-mużiċisti. Ħerqanin ħafna biex naqsmu t-talent u l-enerġija tagħhom mal-udjenza f’Malta f’Ottubru – qis li tibbukkja kmieni u tieħu sehem fil-briju!”
Il-produzzjoni ta’ Revamp MT ta’ School of Rock – The Musical se tittella’ matul weekend wieħed biss, b’wirjiet matinee kif ukoll filgħaxija bejn l-10 u t-12 ta’ Ottubru 2025 f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta. Addattat għal udjenzi minn sitt snin ‘il fuq, b’xi ftit tad-diskrezzjoni mill-ġenituri rakkomandata. Din il-produzzjoni saret possibbli permezz ta’ arranġament ma’ The Really Useful Group Ltd. Aktar informazzjoni u biljetti huma disponibbli online fuq www.showshappening.com/mcc/schoolofrock.