Friday, February 20, 2026

Ikkundannat 4 snin ħabs talli kiser kundizzjonijiet imposti fuqu minn 4 maġistrati

Aqra wkoll

Luke Cremona kien ikkundannat 4 snin ħabs wara li ammetta li kien kiser diveri kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata f’żewġ każijiet. Hu kiser kundizzjonijiet imposti fuqu minn żewġ maġistrati u anke minn żewġ sentenzi oħrajn li kienu ngħataw lilu minn żewġ maġistrati oħra.

L-imputat ammetta li fit-3 ta’ Lulju tas-sena li għaddiet kiser kundizzjonijiet li kien ingħata fosthom dwar ħelsien mill-arrest. F’Ġunju tal-2024 il-Maġistrat Lara Lanfranco imponiet diversi kundizzjonijiet fuq Cremona u f’Settembru tal-istess sena l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ukoll tat diversi kundizzjonijiet biex l-imputat ingħata ħelsien mill-arrest.

Hu ammetta wkoll li wettaq reat waqt li kien qiegħed taħt sentenza sospiża li kien ingħata f’Mejju tas-sena l-oħra mill-Maġistrat Noel Bartolo.

Cremona ammetta wkoll li kiser sentenza mogħtija mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil fi Frar tal-2025 u sentenza oħra mogħtija mill-Maġistrat Noel Bartolo f’Mejju tal-istess sena.

Il-Qorti qalet li l-fedina penali ta’ Cremona ma hija xejn feliċi għax ta’ età żgħira diġà kien ikkundannat il-ħabs diversi drabi.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-imputat ma kellu l-ebda problema li jikser ordnijiet imposti fuqu, u mhux talli baqa’ ma tgħallem xejn imma ppersista fil-kondotta kriminuża.

Kien għalhekk li kkundannatu għal total ta’ 4 snin ħabs u kkonfiskatlu €3,000 li kien ħareġ f’depożitu biex jinħeles mill-arrest. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport