Sunday, April 5, 2026

Ikkundannat 7 snin ħabs talli f’ħanut qaras tifel ta’ 8 snin fil-parti tiegħu

Aqra wkoll

Zhou Jiankang, Ċiniż ta’ 57 sena ġie kkundannat 7 snin ħabs wara li nstab ħati li fil-ħanut fejn jaħdem fil-Mosta qaras tifel ta’ tmien snin fil-parti privata tiegħu, bil-konswgenza lit-tifel weġġa’.

Il-każ kien seħħ fil-5 ta’ Awwissu tal-2023 f’xi ħin bejn s-2.30pm u t-3.30pm, waqt li t-tifel kien qiegħed ma’ ommu u ma’ oħtu jixtru mill-istess ħanut.

Iċ-Ċiniż kien mixli li fil-jum li sar ir-reat, wettaq atti ta’ natura sesswali fuq it-tifel mingħajr kunsens, li kkorrompih, li weġġgħu ħafif, li żammu kontra l-volontà tiegħu u li beżżgħu kif ukoll li kiser il-liġi dwar l-immigrazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti li l-Pulizija bdiet tinvestiga lill-imputat wara rapport li sar minn omm it-tifel fejn kienet allegat li waqt li kienet fil-ħanut taċ-Ċiniż flimkien ma’ wliedha, l-istess imputat mess lil binha b’mod indiċenti.

Dakinhar il-Pulizija kienu marru fil-ħanut biex jitkellmu maċ-Ċiniż. L-omm kienet għaddiet filmat lill-pulizija fejn fih l-imputat jidher il-parti privata tat-tifel. Ir-raġel ġie arrestat fejn eventalment tressaq fil-Qorti.

Fost ix-xhieda fil-proċeduri kien hemm l-omm innifisha fejn qalet kif waqt li kienet fil-ħanut, binha qallha li l-imputat kien messlu l-parti privata tiegħu.

Xehded li hija kienet kkonfrontat lir-raġel fejn dan ċaħda mill-ewwel, iżda imbagħad meta tkellmet mat-tifel tal-imputat qalilha li kien se jibgħatilha l-filmati tas-CCTV. Iżda ġara li aktar tard kien qallha li missieru mhux veru mess lil binha.

Min-naħa tiegħu t-tifel xehed li hu kien flimkien ma’ ommu u oħtu jduru f’ħanut fejn f’ħin minnhom l-imputat poġġa bilqiegħda ħdejh u staqsih kemm kienet żgħira l-parti privata tiegħu.

Qal li beda jibża’ u mar jiġri jfittex lil ommu u lil oħtu fejn qalilhom b’dak li ġara waqt li żied li r-raġel tant ħatfu b’saħħtu li weġġa’.

Quddiem il-Qorti, l-imputat għażel li jixhed fejn qal li hu qabad idejn it-tifel għax rah jieħu arloġġ mill-ħanut. Qal li dak il-ħin it-tifel kellu jdejh it-tnejn ħdejn il-parti privata tiegħu.

Xehdu wkoll iż-żewġt itfal tal-akkużat, il-mara ta’ wieħed minnhom u anke impjrgata Maltija li taħdem fil-ħanut ukoll fejn kollha qalu li l-imputat hu raġel ta’ qalb tajba u serju li qatt m’għamel xejn ħażin lil ħaddieħor.

Fost ix-xhieda kien hemm uffiċjal tal-Pulizija li kien involut fil-każ, xehed ukoll esperti li elevaw filmati mill-ħanut u radjologu li għamel ultrasound fuq it-tifel fejn qal li rriżultalu li kien hemm influss baxx ta’ demm f’waħda mit-testikoli tat-tifel.

Il-Maġistrat Stafrace Zammit fis-sentenza tagħha qalet li l-verżjoni tat-tifel kienet waħda konsistenti u ġiet korraborata mill-filmat esebit.

Qalet li min-naħa l-oħra l-akkużat ċaħda l-akkużi kollha li mess it-tifel, iżda sostniet li l-verżjoni tiegħu ma kellhiex mis-sewwa.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li mill-filmat ħareġ ċar li l-akkużat qaras lit-tifel tant li dan ħass uġigħ minkejja li fix-xhieda tiegħu saħaq li laqtu bi żball u pprova jiżvijja lill-Qorti b’din il-verżjoni. Kompliet li l-akkużat f’ebda ħin ma wera rimors għal dak li għamel.

Il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha ħlief għal dik li żamm lit-tifel kontra l-volontà tiegħu u li kiser l-liġi dwar l-immigrazzjoni.

Kien għalhekk li l-imputat ġie kkundannat seba’ snin ħabs kif ukoll ġie ordnat li jħallas €1,348 fi spejjeż tal-Qorti waqt li ħarġet ordni ta’ trażżin għal 3 snin biex tipproteġi lit-tifel u ordnat li isem ir-raġel jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mill-minorenni.

Il-prosekuzzjon tmexxiet mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Dorienne Tabone u Godwin Scerri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport