Mufarrih Shah, li għandu passaport Brażiljan ġie kkundannat tmien snin ħabs wara li mess sider u l-parti privata ta’ tifla ta’ għaxar snin.
L-imputat kien mixli li wettaq dan ir-reat fit-28 ta’ Awwissu ta’ sentejn ilu f’ħanut fil-Mosta fejn hu kien impjegat. Shah kien mixli li wettaq atti sesswali fuq it-tifla, li kkorrompiha u li taha fastidju sesswali.
Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li hi bdiet tinvestiga dan il-każ wara li rċiviet rapport dwar l-akkużat u ntqal li dan kien jaħdem f’ħanut tal-merċa fil-Mosta.
Fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, it-tifla fil-preżenza ta’ ommha qalet kollox lill-investigaturi u dak kollu li kien ġara. Hija kienet qalet li kienet marret tixtri mill-ħanut u l-imputat mar minn warajha u ħasset il-parti tiegħu magħha. Meta reġgħet marret tixtri darb’oħra l-akkużat reġa’ għamel l-istess.
It-tielet darba li kienet marret tixtri, ir-raġel daħħal idejh minn taħt il-flokk u messilha sidirha mbagħad il-parti privata.
Ftit tal-ħin wara kien reġa’ messah, iżda dak il-ħin kienet daħlet ommha fejn ir-raġel telaq jiġri għal ħdejn il-cash register.
It-tifla u l-omm xehdu fil-kawża kontra l-akkużat fejn ikkonfermaw il-verżjoni tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-imputat għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri fejn ċaħad dak kollu li kienet qalet it-tifla.
Wara li semgħet iż-żewġ verżjonijiet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li kienet qiegħda temmen il-verżjoni tat-tifla.
Il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu 8 snin ħabs.
Ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal 3 snin u ordnat li ismu jitniżżel fir-reġistru ta’ dawk li jabbużaw mill-minorenni.