Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkonfermat sentenza tal-Ewwel Qorti fejn Clyde Carabott kien instab ħati li fl-2019 kien saq bi traskuraġni, perikoluż u bla kont fl-Imsida.
Il-każ kien seħħ fil-31 ta’ Lulju tal-2019 meta Carabott waqt li kien qiegħed isuq ħabat f’kumpressur li dak il-ħin kien qed jintuża minn għadd ta’ ħaddiema.
F’Marzu li għadda hu kien instab ħati fejn kien ġie mmultat €750 u kien ġie skwalifikat minn liċenzja tas-sewqan għal tliet xhur.
L-Imħallef Edwina Grima qalet li mix-xhieda ħareġ ċar li Carabott kien qed isuq b’veloċità eċċessiva. Il-ħaddiema li kienu qegħdin jużaw il-kumpressur fix-xhieda tagħhom qalu li għal ftit ma qatilhomx hekk kif baqa’ dieħel fuq il-kumpressur mingħajr ma żamm brejk.