Saturday, October 26, 2024

Ikkundannat ħames snin ħabs wara li seraq kaxxa xorb minn vann fil-Marsa

Aqra wkoll

Jean Claude Cassar ta’ 29 sena ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati li seraq fliexken minn vann iparkjat fil-Marsa u anke li kiser ordni ta’ probation.

Kien f’Settembru tas-sena l-oħra meta sid il-vann kien mar l-Għassa u għamel rapport lill-Pulizija li xi ħadd kien qalgħalu l-ħġeiġa tal-vann u seraqlu xi kaxxi li kienu mimlija bix-xorb.

Is-serqa kienet inqabdet minn kameras tas-sigurtà u l-akkużat kien deher iwettaq din is-serqa. Ftit wara jidher jisgassa biex ta’ dar fi Triq il-Moll tal-Ħatab fil-Marsa stess.

Meta tressaq il-Qorti Cassar kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Il-Maġistrat Marsanne Farrugia qalet fis-sentenza tagħha li filwaqt li hemm provi ċari li l-akkużat wettaq din is-serqa, m’hemmx prova li hu wettaq xi ħsara fuq il-vann għax “fil-verità qala’ l-ħġieġa mill-vann u mhux kissirha.”

Il-Maġistrat qalet li Cassar kien ilu snin ixellef difrejh mal-liġi hekk kif kien instab ħati ta’ serq. L-akkużat kien ingħata diversi opportunitajiet biex jirriforma ruħu, huwa baqa’ ma tgħallimx u saħansitra wettaq dawn ir-reati tliet xhur wara li tpoġġa taħt ordni ta’ probation.

Għalhekk il-Qorti sabet lil Cassar ħati u kkundannatu 18-il xahar ħabs fuq serq u 3 snin u nofs oħra ħabs talli kiser l-ordni ta’ probation.

Ġie ordnat ukoll iħallas €421 fi spejjeż tal-Qorti u jħallas €292 lill-vittma.

Sport